Lokali

Il-BOV iwaqqaf ħesrem l-Iskema tal-Irtirar Kmieni

Il-Bank of Valletta waqqaf ħesrem l-iskema ta’ irtirar kmieni u li fost dawk li għadhom kemm gawdew minnha hemm Michael Falzon, is-Segretarju Parlamentari fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Sorsi li tkellmu ma’ il-mument qalu li din l-iskema mhux se tkun inkluża fil-ftehim kollettiv il-ġdid li mistenni jitħabbar aktar tard dan ix-xahar.

S’issa il-Bank of Valletta kellu skema fejn ħaddiema li jkunu għalqu ċertu ammont ta’ servizz, dawn kienu eliġibbli biex japplika għall-iskema u hekk jirtiraw kmieni mill-Bank filwaqt li jieħdu somma ta’ flus.

Din l-iskema dejjem kienet applikata bil-prerogattiva tat-Tmexxija tal-Bank u dan ifisser li mhux kulmin kien japplika kien jieħu dan il-benefiċċju b’mod awtomatiku.

Nifhmu li kienet deċiżjoni mill-uffiċċju taċ-Chairman tal-Bank John Cassar White li ftit wara li kienet inqalgħet il-kontroversja dwar is-Segretarju Parlamentari Michael Falzon – li kien ħa s-somma ta’ €260,000 u li dan jista’ jirritorna l-Bank sa ħames snin oħra – iddeċieda li jwaqqaf din l-iskema minnufih.

Qabel ma twaqqfet din l-iskema, numru ta’ ħaddiema magħrufa għall-affiljazzjoni politika tagħhom, ingħataw il-pakkett li jirtiraw kmieni b’data bil-quddiem. B’hekk dawn xorta gawdew mill-iskema. Sadattant iżda kien hemm numru ta’ ħaddiema oħra fl-istess grad u li għandhom l-istess ammont ta’ snin ta’ servizz, li għal xi raġuni kellhom dan il-benefiċċju miċħud.

Din il-kwistjoni tal-irtirar fil-Bank of Valletta tfakkar fil-kwistjoni tal-irtirar tas-Segretarju Parlamentari Michael Falzon u l-mod kif dan kien trattat mill-Bank.

Michael Falzon jiżvela dokument aċċessibbli għall-ħaddiema tal-BOV biss

Michael Falzon qabel mal-Parlament waqaf għall-btajjel tas-sajf biex jiġġustifika dak li kien sar fil-konfront tiegħu kien wasal biex poġġa fuq il-Mejda tal-Kamra dokument tal-Bank of Valletta b’lista ta’ ismijiet ta’ persuni li ħadu l-benefiċċju tal-iskema tal-irtirar mill-Bank of Valletta. Meta Michael Falzon għamel ħaġa bħal din kien qiegħed ipoġġi dokument privat tal-Bank li l-pubbliku b’mod inġenerali m’għandux aċċess għalih.

Dak id-dokument partikulari kien ittieħed minn sistema interna ta’ internet tal-Bank magħrufa bħala ‘GENIE’. F’dan is-sit jitpoġġa materjal għall-attenzjoni tal-ħaddiema tal-Bank of Valletta biss. Allura, jew kien Michael Falzon direttament li aċċessa din is-sistema interna inkella ngħata aċċess għal dan is-sistema interna mingħand xi ħaddiem ieħor tal-Bank. Dak li kien poġġa fuq il-Mejda tal-Kamra Michael Falzon kien biss dokument intern tal-Bank u allura Michael Falzon ma kienx qed jgħid il-verità meta qal li dak kien dokument li l-pubbliku b’mod inġenerali kellu kull aċċess għalih.

Il-gazzetta il-mument kienet żvelat li f’dik it-taqsima partikulari f’din is-sistema interna filwaqt li wieħed isib informazzjoni dwar ħaddiema li rtiraw mill-Bank u jkun jista’ jara wkoll ritratti ta’ dawn il-ħaddiema flimkien mal-Kap Eżekuttiv Charles Borg, ma teżisti l-ebda informazzjoni dwar l-irtirar kmieni ta’ Michael Falzon u ma jeżisti l-ebda ritratt ta’ Michael Falzon flimkien ma’ Charles Borg kif jirriżulta flimkien ma’ kollegi preċedenti oħra!

Is-sorsi li dakinhar kienu tkellmu ma’ il-mument kienu fissru li din fiha ħafna x’tifhem!

“Mela tajjeb,” qal sors li tkellem ma’ il-mument, “mela Michael Falzon ma jiddejjaq xejn jikkwota minn dan is-sit esklussiv għall-ħaddiema tal-Bank of Valletta, iżda mbagħad ma jsemmix li ma’ din il-lista m’hemm l-ebda riferenza għalih! U għaliex Michael Falzon għandu, jew kellu, l-interess li jaħbi dan kollu saħansitra lilna l-kollegi tiegħu?”

L-azzjonisti jinżammu fl-għama
Matul is-sajf li għadda għadd ġmielu ta’ azzjonisti tal-Bank of Valletta kienu rrabjati ħafna lejn il-Bank li mhux biss baqa’ sieket quddiem sitwazzjoni li fiha ma jistax jibqa’ indifferenti, iżda baqa’ passiv ukoll quddiem sitwazzjoni fejn sfaċċatament qed ikunu żvelati dokumenti interni tal-Bank.

Is-sorsi saħqu li l-azzjonisti tal-BOV qed jibqgħu jinżammu fil-għama milli jingħataw spjegazzjonijiet dwar numru ta’ deċiżjonijiet, fosthom ukoll dwar is-self ta’ €100 miljun lill-konsorzju Electrogas għall-bini tal-power station il-ġdida.
Għaliex il-Bank baqa’ sieket dwar il-ftehim ma’ Michael Falzon – Segretarju Parlamentari fil-Kabinett tal-Prim Ministru Joseph Muscat – meta ngħata €260,000 permezz tal-iskema tal-irtirar.

Is-sors li tkellem ma’ il-mument staqsa wkoll dwar id-deċiżjoni tal-Bank of Valletta dwar is-self ta’ ammont ġmielu ta’ miljuni ta’ ewro lill-kumpanija nazzjonali tal-ajru l-Air Malta biex setgħet tagħmel tajjeb għat-telf qawwi li għamlet fix-xiri tal-fuel.