Lokali

Il-GWU konxja li ma tistax tikri l-propjeta tagħha fil-Belt

Il-GWU kienet konxja u kienet taf li ma tistax tikri l-propjeta tagħha fil-Belt lill-kumpanija Arms.

Dan kien konfermat f’rapport f’The Sunday Times li jikkwota lix-shadow minister tal-Oppożizzjoni għall-ġustizzja Jason Azopardi li jsostni li l-fatt li fl-2008 il-GWU għamlet talba bil-miktub għall-evalwazzjoni tal-Workers Memorial Building fil-Belt, juri kemm il-GWU kienet konxja li l-ħlas tal-kirja ma kinitx biżżejjed biex tevita l-kundizzjonijiet tal-kirja.

Jason Azzopardi jsostni li billi l-GWU injorat diskussjonijiet tal-passat u qed tippretendi li minflok tħallas 3.2 miljun Ewro kif jistipula l-kuntratt, tħallas biss 16,000 Ewro biex tkun tista’ tikri l-propjeta.

Dwar diskussjonijiet li saru fil-passat, Jason Azzopardi kkonferma li meta kien responsabbli mid-dipartiment tal-artijiet hu iltaqa’ ma’ delegazzjoni tal-GWU fl-2008 biex tkun diskussa din il-kwistjoni. Jirriżulta li kien komunikat li l-uniku mezz biex il-GWU ddur mal-limitazzjonijiet tal-kirja kienet li l-GWU tixtri l-propjeta.

Fl-2008 il-GWU kitbet lill-Ministeru tal-Finanzi beix tixtri l-propjeta waqt li d-dipartiment tal-artijiet kien mistoqsi biex jibda l-proċess ta’ evalwazzjoni.

Jirriżulta li r-rapport tal-periti dwar kemm tiswa l-Workers Memorial Building ma kienx mgħoddi lill-Uffiċċju tal-Awditur għall-investigazzjonijiet dwar il-mod kif il-GWU kriet parti mill-kwartier tagħha lill-Arms. Din l-investigazzjoni kkonkludiet li l-GWU kienet kisret il-kundizzjonijiet tal-kuntratt meta kriet il-propjeta lill-Arms.

L-Uffiċċju tal-Awditur rrakkomanda li l-Avukat Ġenerali għandu jieħu passi legali kontra l-GWU dwar il-ksur ta’ dan il-kuntratt. Il-GWU qed issostni li l-fatt li ħallset 16,000 Ewro biex tkopri l-kirja qed ikopri l-kundizzjonijiet tal-kuntratt.

Il-GWU qed tibbaża fuq il-parir mogħti lilha mill-Imħallef u ex deputat Laburista Philip Sciberras li kien appuntat mill-gvern biex jippresiedi diversi inkjesti li qed jagħmel il-gvern. Kemm l-uffiċċju tal-Awditur Ġenerali kif ukoll l-Avukat Ġenerali qed jikkontestaw il-parir li qed tingħata l-union.

Dwar dan il-każ l-ex Segretarju Ġenerali tal-GWU Tony Zarb qed jirrifjuta li jikkummenta. Fir-rapport tal-uffiċċju tal-Awditur jintqal li l-ex Segretarju Ġenerali tal-GWU qal lill-ex kummissarju biex ma joħloqx problemi għaliex l-awtoritajiet pertinenti kienu konxji ta’ din is-sitwazzjoni u għalhekk it-talba kellha tiġi approvata.