Lokali Unjoni Ewropea

Il-Parlament Ewropew mitlub jinvestiga l-abbużi fil-ħruġ ta’ permessi ta’ residenza f’Malta

Qed tkompli tikber il-pressjoni fl-istituzzjonijiet Ewropej dwar l-iskandlu tal-premessi tar-residenza f’Malta u l-ħruġ irregolari ta’ visas lejn pajjiżna.

Dawn il-każi serji tqajjmu wkoll mill-Ewroparlamentari Taljana Lara Comi li ressqet domanda bil-miktub quddiem il-Kummissjoni Ewropea. Id-deputat ta’ Forza Italia qed tistaqsi fuq dak li possibilment jista’ jitqies bħala frodi, bl-għajnuna ta’ persuni qrib il-Partit Laburista fil-Gvern. “Ħareġ dak li jista’ jitqies frodi tal-massa fil-ħruġ tal-permessi ta’ residenza f’Malta, u jidher li dawk li applikaw fornew informazzjoni falza lill-awtoritajiet kompetenti Maltin, bl-għajnuna ta’ persuni li jikkollaboraw mal-Partit Laburista li jinsab fil-Gvern.”

Il-moħħ wara dawn l-applikazzjonijiet li kienu qed jiġu proċessati mill-awtoritajiet kompetenti huma Joe Sammut, eks-Teżorier u eks-Kandidat tal-Partit Laburista li bħalissa għaddej proċeduri legali quddiem il-Qorti.

Comi qed tinsisti li dan l-iskandlu ifisser ukoll problemi serji għas-sigurtà fil-gżira Maltija u għas-sigurtà taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.

Għalkemm il-ħruġ ta’ permessi ta’ residenza jirrigwardja primarjament ċittadini Libjani, fl-aħħar ġimgħat kien żvelat ukoll l-iskandlu tal-eluf ta’ visas li nħarġu mill-Konsolat Malti fl-Alġerija.

Fuq insistenza tal-Ewroparlementari Lara Comi, l-Kummissjoni Ewropea ntalbet tinvestiga dak li għaddej f’Malta, inkluż il-programm ta’ bejgħ ta’ ċittadinanza.

Il-bejgħ tal-passaporti Maltin qed jitqies minn osservaturi li m’għandu x’jaqsam xejn mal-bejgħ ta’ ċittadinanza jew programmi simili mħaddma mill-Awstrija u l-Portugall. F’Malta huwa possibbli tixtri ċ-ċittadinanza fi żmien tlieta jew erba’ xhur, mingħajr il-bżonn li turi li dħalt fil-pajjiż b’mod regolari.

L-Ewroparlamentari Comi ppreżentat mistoqsijiet serji dwar in-nies li għaddejjin minn Malta u l-possibbiltà li uħud minn dawn jistgħu jkunu involuti fi ċrieki illegali jew qrib gruppi terroristiċi li jridu jinfiltraw l-Ewropa.

Ftit tal-jiem ilu, id-Deputat Nazzjonalista Robert Arrigo wassal fil-Parlament it-tħassib tas-settur tan-negozju, tal-industrija u l-investituri dwar il-bejgħ tal-passaport Malti u qal li hemm tħassib serju li ħadd ma jista’ jiskrutinja l-passat ta’ dawk is-sinjuri u l-miljunarji li qed jixtru l-passaport Malti u li ġejjin minn pajjiżi li ftit tista’ tikkontrolla u tkun taf dwarhom. Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għadda dawn ir-rimarki fid-dibattitu dwar il-Baġit.

F’temp ta’ sena, il-Prim Ministru Joseph Muscat kien imsejjaħ ħames darbiet mill-kumpanija Henley & Partners biex jippromwovi l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti Maltin. Xahrejn ilu Joseph Muscat mar Istanbul fit-Turkija fejn kien imsejjaħ minn Henley & Partners biex jitkellem f’seminar Internazzjonali dwar iċ-Ċittadinanża organizzat mill-istess Henley & Partners. Din il-ġimgħa kien imissu li jmur Dubaj biex ikompli jimbotta l-bejgħ tal-passaporti Maltin.
Sadattant, il-Gvern ta’ Joseph Muscat għadu qiegħed joġġezzjona biex jagħmel pubbliku l-ftehim li għamel ma’ Henley & Partners.