Għawdex Lokali Saħħa

Is-sidien il-ġodda bi kredenzjali limitati fil-kamp tal-mediċina

Fallut, dik hija l-kelma li l-gazzetta ‘illum’ kellha fuq l-ewwel faċċata tal-ħarġa tagħha tal-Ħadd fejn qalet li s-sid il-ġdid tal-Isptar t’Għawdex , Sri Ram Tumurli, Kanadiż ta’ oriġini Indjana, mexxa kumpanija li xoljiet filwaqt li huwa ddikjara lukanda fil-Kanada falluta bil-konsegwenza ta’ dan li hu ma baqgħax Direttur tal-istess lukanda. Il-gazzetta illum qalet wkoll li mir-riċerka tagħha hemm dubji serji dwar il-kumpanija li ġiet magħżulha biex tieħu f’idha l-isptar Ġenerali t’Għawdex u dawk ta’ Karen Grech u ta’ San Luqa.

‘Illum’ qalet li sussidjarja tal-kumpanija li se tieħu f’idha l-isptarijiet hija rreġistrata fil-Karibew, propju fil-British Virgin Islands, pajjiz rinomat għall-ħabi tal-flus u evażjoni tat-taxxa.

Fuq l-istess każ il-gazzetta il-mument qalet li l-kumpanija Vitalis Global Healthcare Group li kienet reġistrata f’Malta f’Mejju li għadda u li se tmexxi l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u l-Isptarijiet ta’ San Luqa u Karen Grech għandha kredenzjali limitati ħafna fil-kamp tal-mediċina.

Sorsi fil-kamp mediku fissru li mill-informazzjoni li ġabru dwar is-sidien il-ġodda ta’ dawn it-tliet sptarijiet hu li għandhom esperjenza u ħiliet limitati ħafna fejn jidħol il-kamp mediku u t-tmexxija tiegħu.

Is-sorsi fissru li dak li qed idejjaq lill-professjonistit hu l-ħabi tal-Gvern fin-negozjati mas-sidien il-ġodda.
Huma qalu lill-gazzetta il-mument li l-Gvern, f’settur tant delikat, messu mexxa n-negozjati b’aktar konsultazzjoni u involva aktar lill-partijiet konċernati direttament.

Is-sorsi żiedu li filwaqt li huma għandhom xamma għaliex il-Gvern għal darba oħra għażel ħafna ħabi biex imexxi n-negozjati mas-sidien il-ġodda, fissru li probabbilment li din kienet deal oħra ta’ qabel l-elezzjoni ġenerali li esponenti fil-Partit Laburista għamlu ma’ terzi barranin.

Is-sorsi semmew li hemm kwistjonijiet oħrajn li jinvolvu mhux biss iż-żieda fix-xogħol fuq ir-riżorsa umana fil-kura medika u f’kull livell, iżda l-Gvern għadu ma fehemx li b’dawn l-isptarijiet il-ġodda mmexxija mis-settur privat il-volum tax-xogħol fuq it-tobba u dawk kollha involuti fis-servizz se jiżdied ħafna.

Dawk kollha konċernati f’dawn l-isptarijiet imsemmija qalu li hemm dubji dwar kif se jsir il-profitt min-naħa tal-kumpanija. Huma saqsew li jekk il-Gvern qed joffri bla ħlas is-servizzi tiegħu, il-privat zgur se jkun qieghed jaħdem biex jaqla l-flus.. is-sidien il-godda qalu li l-qligħ se jkunu kapaċi jagħmluh permezz tas-sodod riservati għall-baranin, iżda aħna nsaqsu dan huwa minnu? Il-kumpanija privata se tkun tista’ tmexxi mingħajr ma l-affarjiet ma jinbidlux?

Tħassib ieħor hu li tiżviluppa sitwazzjoni fejn il-pazjenti jibdew imorru għall-kura fl-Isptar Mater Dei bir-riżultat li hemmhekk ikun hemm ġa volum qawwi ta’ pazjenti. Huma qalu li diġà f’Mater Dei hemm sitwazzjoni, b’mod partikulari fl-aħħar xhur, fejn il-pazjenti jkollhom jingħataw il-kura fil-kurituri f’ambjent xejn dinjituż, aħseb u ara jekk dan il-volum jiżdied għaliex il-pazjent ma jibqax iħossu komdu li qed jingħata l-kura li tixraqlu fl-isptarijiet l-oħrajn.