Lokali

Joseph Muscat ikompli iwebbes rasu quddiem l-iskandli

Il-Prim Ministru Joseph Muscat meta kien qiegħed jitkellem fuq l-istazzjon tar-radju tal-Partit Laburista One Radio naqas milli jagħmel ebda referenza għal pressjoni pubblika dejjem tikber sabiex is-Segretarju Parlamentari Michael Falzon jew jirriżenja jew jitneħħa mill-kariga wara serje ta’ skandli ma’ tieqaf qatt li fihom b’xi mod dejjem tfaċċa l-isem ta’ Michael Falzon.

Minflok Muscat għażel li jkompli bl-attakk feroċi fuq Simon Busuttil fejn qal li dak li ġara fil-każ ta’ l-eks deputat Joe Cassar juri kemm Simon Busuttil huwa dgħajjef.

Skiet assolut mill-Prim Ministru Joseph Muscat ukoll dwar l-iskandlu tal-lands u l-kirja mill-General Workers Union anke jekk jum wara l-ieħor qegħdin jiżdiedu l-mistoqsijiet dwar għaliex il-General Workers Union bħal donnu tinstab fuq il-liġi fil-każ tal-kirja tal-bini.

Joseph Muscat naqqas ukoll milli jagħmel ebda referenza għall-iskandlu dejjem jikber tal-ħruġ ta’ visas għall-Alġerini, minkejja li l-gazzetti il-Mument u The Malta Independent, t-tnejn komplew jiżvelaw kif f’dan il-każ hemm involuti persuni ferm qrib tal-Prim Ministru fosthom il-kuġin ta’ l-istess Prim Ministru.

Joseph Muscat tkellem ukoll dwar il-Valletta Summit u saħaq li l-kapaċita organizzativa tal-gvern hija ċara. Iddeskriva l-għeluq ta’ numru kbir ta’ toroq bħala inkonvenjent iżda sostna li ma’ jiddejjaq xejn jaqla l-kritika.

Intant fi stqarrija b’reazzjoni għad-diskors ta’ Muscat, il-Partit Nazzjoanlista qal li l-gazzetti tal-llum jitkellmu dwar tliet skandli li maqbud fihom Joseph Muscat. Il-Partit Nazzjonalista qal li Muscat flok iwieġeb u jieħu azzjoni qiegħed jagħżel li jinjora. L-istqarrija temm tgħid li minkejja li jaf li qed jgħereq fl-iskandli u l-korruzzjoni Muscat qed ikompli jwebbes rasu u jagħżel li ma’ jieħux id-deċiżjonijiet.