Il-Prim Ministru Joseph Muscat iltaqa’ minn tal-inqas darbtejn ma’ Gaffarena qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet.
Dan ġie żvelat fil-gazzetta The Sunday Times of Malta li ppubblikat intervista ma’ Muscat u li matulha, ħarab milli jwieġeb numru ta’ mistoqsijiet dwar jekk hux se jneħħi lis-Segretarju Parlamentari Michael Falzon.
Fl-intervista, Muscat ġie mistoqsi jekk qatt iltaqax ma’ Joe Gaffarena qabel l-elezzjoni ġenerali u fir-risposta tiegħu, Muscat qal li ltaqa’ miegħu darbtejn meta kien Kap tal-Oppożizzjoni, darba minnhom f’attivita’ soċjali u darba oħra meta Gaffarena kien fil-kumpanija ta’ xi negozjanti oħra.
Joseph Muscat kemm ‘il darba kien mistoqsi jekk hux se jieħu azzjoni fil-konfront ta’ Michael Falzon, li bħala Segretarju Parlamentari hu politikament responsabbli mid-Dipartiment tal-Artijiet, li minnu feġġ l-iskandlu Gaffarena.
Fl-intervista, Muscat kien mistoqsi minn tal-inqas ħames darbiet dwar jekk hux se jieħu passi fil-konfront ta’ Michael Falzon, bil-Prim Ministru Joseph Muscat jagħżel li jiddefendi l-pożizzjoni ta’ Falzon billi ma jgħidx jekk hux se tintrefa’ r-responsabbilta’ politika u jgħid biss li bħalissa għadu mhux iż-żmien li jieħu d-deċiżjonijiet dwar l-iskandlu Gaffarena.
//= $special ?>