Il-grupp kriminali Libjani li fil-bidu ta’ Settembru ħataf lil Noel Sciberras u żammu maħtuf għal 47 ġurnata, għandu rabtiet ma’ Libjani perikolużi f’Malta. il-mument tal-lum żvelat li l-ħtif ta’ Noel Sciberras ma kienx xi każ aċċidentali, iżda kien b’riżultat ta’ pjan maħdum mill-kriminali li riedu lil Noel Sciberras fil-pussess tagħhom biex hekk ikunu jistgħu jitolbu rahan qawwi ta’ €5 miljun għall-ħelsien tiegħu.
Iċ-ċifra ta’ €5miljun immaturat minħabba li fil-ħelsien ta’ Martin Galea s-sena l-oħra, dawk li kienu qabduh kienu talbu rahan ta’ €4 miljun. Madankollu għalkemm kien hemm min kien lest li jitħallsu dawk il-flus, terzi fil-Libja kienu intervjenew u b’rispett lejn Malta kienu għamluha ta’ medjazzjoni bejn dawk li kienu ħatfu lil Martin Galea u dawk li kienu lesti bil-flus kontanti biex Martin Galea seta’ jinħeles.
Kuntatti mal-milizija Radda u telefonati interċettati
Is-sorsi li tkellmu ma’ il-mument fissru li fil-każ tal-ħelsien ta’ Noel Sciberras, ix-xogħol kollu nbeda minnufih meta darba kien stabbilit li nħataf dan il-Malti kien sar kuntatt mal-milizji kollha fi Tripli u fl-inħawi biex ikun aċċertat jekk wara dan il-ħtif kienx hemm xi waħda minnhom involuta.
Darba kien aċċertat li l-ebda milizja fi Tripli ma kienet involuta f’dan il-ħtif, allura sar kuntatt ma’ milizja partikulari – il-Milizja Radda – li offriet li tagħmel ħidma ta’ tiftix biex tistabbilixxi fejn kien qiegħed jinżamm dan il-Malti.
Sorsi oħra li tkellmu ma’ il-mument qalu li f’dan ix-xenarju sar ħafna xogħol minn xi membri tas-Servizz Sigriet Malti li interċettaw numru ta’ telefonati li Noel Sciberras għamel lil xi persuni f’Malta fil-perjodu li kien qiegħed jinżamm maħtuf.
Niżvelaw ir-rotta tal-ħtif
Irriżulta li Noel Sciberras kien qiegħed jinżamm maqful ġo villa fil-villaġġ ta’ Ghajnzara. Din il-villa kienet kontinwament qed tinżamm taħt għassa stretta minn membri tal-grupp kriminali Libjani li kienu ħatfu lill-Malti.
Jirriżulta għalhekk li darba Noel Sciberras kien inħataf mill-karozza tiegħu f’Janzour – fejn il-kriminali ħatfu lilu biss u ħallew kollox warajhom inkluż il-karozza li kien qiegħed isuq il-Malti, il-mobile li kellu u xi oġġetti personali oħra – hu kien trasportat lejn il-villaġġ ta’ Ghajnzara.
Is-sorsi li tkellmu ma’ il-mument spjegaw li darba bejn isiru ċerti kuntatti bejn fejn kien qed jinżamm moħbi Noel Sciberras u persuni f’Malta, allura setgħu jkunu interċettati numru ta’ telefonati li mbagħad telefonati dwarhom minfejn kienu qed isiru setgħu jintbagħtu lis-Servizz tas-Sigurtà Libjan.
Kien hawnhekk li l-Milizja Radda kisbet informazzjoni biżżejjed biex setgħet tillokalizza fejn kien qed jinżamm Noel Sciberras u darba dan sar allura għajnejn membri tal-istess Milizja kienu l-ħin kollu jsegwu dak li kien qed jiġri f’din il-villa partikulari u f’residenza oħra frekwentata mill-mexxejja ta’ dan il-grupp ta’ kriminali.
Posposti tliet interventi għall-ħelsien ta’ Noel Sciberras
Is-sorsi komplew jgħidulna li l-Milizja Radda kienet mill-inqas ippjanat li tagħmel l-intervent għall-ħelsien ta’ Noel Sciberras fi tlett okkażjonijiet oħra. Iżda dawn l-interventi kellhom ikunu posposti għal ġurnata oħra minħabba li l-membri tal-Milizja Radda raw perikli għal saħħet Noel Sciberras u għalhekk ma redux jieħdu l-ebda sogru.
Kien biss nhar l-Erbgħa tal-ġimgħa l-oħra – għall-ħabta tal-4.30 a.m. – li l-membri tal-Milizja Radda attakkaw il-post u qabdu taħt idejhom lit-tlett għassiesa li kienu qegħdin għassa mal-villa fejn kien qiegħed jinżamm Noel Sciberras.
Noel Sciberras kien qiegħed jinżamm f’kamra ta’ daqs normali u minfejn kien seta’ jisma’ u jifhem sew il-konversazzjonijiet li kienu qed jingħadu minħabba li hu jifhem tajjeb il-lingwa Għarbija. Noel Sciberras ilu b’konnessjonijiet mal-Libja għal aktar minn għoxrin sena.
Nifhmu li għalhekk Noel Sciberras bir-raġun kollu kien qiegħed ikun imwerwer b’dak li kien qed jiġri madwaru, mhux biss għall-mod kif kien qiegħed ikun itrattat, imma anki għaliex kien konxju li fil-villa fejn kien qed jinżamm kien hemm miżmuma wkoll numru ta’ armi.
Ħaseb li se jinqatel minn kriminali Libjani b’kuntatti f’Malta
Meta Noel Sciberras tkellem ma’ il-mument f’nofs din il-ġimgħa, irrakkonta kif tul il-perjodu ta’ 47 jum hu ngħata jiekol xi għaxar darbiet biss u f’kull okkażjoni ngħata ftit ħobż u ftit ġobon. Sadattant kien jixrob. Madankollu tilef ħafna mill-piż tiegħu, filwaqt li tħalla jinħasel biss xi darba jew darbtejn.
Kien beżgħan ħafna u ma kienx jaf jekk minn din it-trawma kienx se jerġa’ jara d-dawl tax-xemx. Kien hemm mumenti meta ħaseb li seta’ jkun eliminat. Kien hemm mumenti meta b’riżultat tal-biża’ kbir li qabdu għaddewlu minn moħħu ħsibijiet koroh li jneħħi ruħu b’idejh.
Noel Sciberras stess irrakkonta ma’ il-mument il-jiem diffiċli ħafna li għadda minnhom meta kien maħtuf u kif kull darba li kien jinfetaħ il-bieb tal-kamra fejn kien qiegħed jinżamm, kien jitwerwer għaliex ma kienx jaf x’kienu se jagħmlulu.
Dan kollu sakemm sbieħ l-Erbgħa tal-ġimgħa l-oħra l-membri tal-Milizja Radda attakkaw il-villa u armati b’karozzi armati u saħansitra b’tankijiet tal-ġlied għamlu l-intervent tagħhom li rriżulta fil-ħelsien ta’ Noel Sciberras.
Kien arrestati t-tlett irġiel li kienu għassa mal-villa, iżda t-tieni parti tal-operazzjoni – dik li kellha twassal għall-arrest tal-mexxejja ta’ dan il-grupp ta’ kriminali – sfaxxat minħabba li xi ħadd kien għaddhielhom informazzjoni dwar dak li kien qed jiġri.
Fl-isfond ta’ dak kollu li għamlu u l-periklu kbir li daħlu għalih, il-membri tal-Milizja Radda ħassewhom tassew urtati li l-Gvern Malti, fi stqarrija li ħareġ dakinhar stess tal-ħelsien tal-Malti, irringrazzja lil Diplomatiċi fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u lis-Servizz Sigriet Malti, iżda ma rrikonoxxiex dak li għamlu l-membri ta’ din il-Milizja.
Is-sorsi li tkellmu ma’ il-mument temmew jgħidilna li mill-informazzjoni tanġibbli li għandhom huma fost il-Libjani perikolużi li hawn f’Malta – u li kienu involuti wkoll fi ċrieki ta’ kriminalità fil-Libja – hawn persuni li għandhom kuntatti tajba mal-grupp ta’ kriminali li ħatfu lil Noel Sciberras.
//= $special ?>