Jien qiegħed fil-politika biex inservi mhux biex ninqeda biha – il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil
Jiena dħalt fil-politika biex inservi, biex innaddafha u biex nagħmel differenza. Il-ħtieġa għal politika onesta u nadifa toħroġ illum aktar minn qatt qabel quddiem Gvern li qed jgħereq fi skandlu wara l-ieħor, u għaliex għandna Prim Ministru li qiegħed fil-poter biex jiggwadanjaw il-ftit. In-nies qed jaraw li l-istandards għoljin ġejjin mill-Oppożizzjoni u mhux mill-Gvern għaliex Joseph Muscat qed juri li mhux kapaċi jieħu deċiżjoni fil-konfront tas-Segretarju Parlamentari Michael Falzon.
Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil f’intervista fuq Radio 101 dalgħodu. F’reazzjoni għall-intervista tal-Prim Ministru ma’ The Sunday Times, li fiha, Muscat ammetta li ltaqa’ minn tal-anqas darbtejn ma’ Gaffarena qabel l-elezzjoni, Simon Busuttil qal li Muscat qed jigdeb meta qed jgħid li Gaffarena ma talbux il-permess għall-pompa tal-petrol għal żewġ raġunijiet: Gaffarena kien iltaqa’ ma’ Simon Busuttil u talbu l-permess, li minn naħa tiegħu bagħtu jixxejjer, u fit-22 ta’ Marzu 2014, Michael Farrugia, dak iż-żmien Segretarju Parlamentari responsabbli mill-MEPA, ammetta li l-permess tal-pompa tal-petrol illegali kien wegħda ta’ qabel l-elezzjoni.
Simon Busuttil qal li wasal iż-żmien li Michael Falzon jerfa’ r-responsabbilta’ politika għall-fatti ċari tal-iskandlu ta’ Gaffarena. “Joseph Muscat ma ħax azzjoni kontra Michael Falzon għaliex Muscat huwa l-Ministru li jirraporta għandu Falzon, u allura jekk jerfa’ r-responsabbilta’ Michael Falzon, ikollu jerfagħha wkoll Joseph Muscat,” qal Simon Busuttil.
L-akbar skandli ta’ dan il-Gvern kollha saru fid-Dipartiment tal-Artijiet immexxi minn Muscat
Meta mistoqsi dwar l-iskandlu tal-GWU, Simon Busuttil qal li l-akbar skandli ta’ dan il-Gvern seħħew fid-Dipartiment tal-Artijiet li hu mmexi mill-Prim Ministru. Fost l-oħrajn, hu semma l-iskandlu tal-Australia Hall, tal-Cafe’ Premier, tal-kirja tal-GWU, kif ukoll tal-Każin tal-Partit Laburista fis-Siġġiewi. Quddiem ir-rapport tal-Awditur Ġenerali li kkundana l-każ tal-kirja tal-GWU, Joseph Muscat għadu fommu sieket, sostna Simon Busuttil.
Jekk Muscat mhux se jieħu passi dwar l-iskandli tal-visas u l-permessi ta’ residenza, se teħodhom l-Oppożizzjoni
Fid-dawl tal-fatt li Muscat qed iwebbes rasu u għadu ma ħatarx inkjesta indipendenti dwar l-iskandli tal-visas u l-permessi ta’ residenza, Simon Busuttil qal li jekk Muscat se jibqa’ ma jieħux passi, se tkun l-Oppożizzjoni li ddur fuq l-istituzzjonijiet indipendenti.
Hu sostna li Joseph Muscat għadu ma ħax passi għax kull darba li jkun dahru mal-ħajt, jżomm ir-rapporti għandu, jkaxkar saqajh u jara kif se jimmanipula l-verita’.
Muscat qed jitradixxi lill-Għawdxin għax qed jeħdilhom xi ħaġa li hi tagħhom
Dwar il-privatizzazzjoni tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, Simon Busuttil qal li b’din il-privatizzazzjoni, Joseph Muscat qed jitradixxi lill-Għawdxin għax qed jeħdilhom is-servizz tas-saħħa li hu tagħhom. Hu fakkar li Muscat ma semma xejn dwar il-privatizzazzjoni tal-isptar t’Għawdex fil-programm elettorali.
Simon Busuttil sostna li l-Għawdxin issa ġejjin f’sitwazzjoni fejn se jmorru l-Isptar u jkunu f’sodod ħdejn pazjenti li qed iħallsu għall-istess servizz. Dan minbarra l-inċertezza li għaddejjin minnha l-ħaddiema tal-Isptar. “Bħalissa Konrad Mizzi qed jagħmel ħafna sweet talk mal-ħaddiema Għawdxin, l-istess bħalma għamel sweet talk mal-ħaddiema tal-Enemalta u dwar il-bini tal-Power Station f’sentejn,” qal Simon Busuttil.
Qed ngħolli l-istandards fil-politika mill-Oppożizzjoni
Simon Busuttil qal li llum, aktar minn qatt qabel, hawn bżonn ta’ politika onesta f’pajjiżna, u kien għalhekk li bid-deċiżjonijiet tiegħu, qed jgħolli l-istandards tal-politika, anke mill-Oppożizzjoni. Hu sostna li l-pakkett li se jiġi mniedi dwar Good Governance, se jinkludi ideat u proposti li jidħlu fis-seħħ mill-ewwel ġurnata ta’ Gvern ġdid Nazzjonalista.
Fil-bidu tal-intervista, Simon Busuttil sellem lil Joe Cassar għall-irġulija li wera meta refa’ r-responsabbilta’ politika minkejja li ċaħad l-allegazzjonijiet kontrieh.
//= $special ?>