Testijiet dwar droga li saru f’nofs din il-ġimgħa fuq il-priġunieri ta’ Diviżjoni 1 fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin wasslu biex numru konsiderevoli mill-priġunieri rriżultaw fil-pożittiv.
It-testijiet saru minħabba li għal darba oħra fil-preżent fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin hemm suspett qawwi ta’ preżenza konsiderevoli ta’ droga.
Il-Mument qalet li sorsi li tkellmu magħha fissru li l-klieb li hemm fil-Ħabs biex suppost jgħinu fit-tiftix tad-droga huma prattikament qegħdin hemm għal xejn għaliex kważi qatt ma kienu kapaċi jaqbdu xi tip ta’ droga.
Kulma jmur il-Ħabs qed ikompli jkun imfestat bid-droga u dan jikkontrasta ħafna mal-impressjoni li jipprova jagħti Carmelo Abela, il-Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, kif ukoll il-Gvern Laburista meta jippruvaw jagħtu l-istampa li s-sitwazzjoni tal-abbuż tad-droga fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin hi taħt kontroll. Is-sorsi ta’ il-mument fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin qalu li qatt daqs dawn l-aħħar żminijiet ma kien hemm droga fl-istess Faċilità. Dak li ġara f’nofs din il-ġimgħa bit-testijiet tal-urina ta’ numru ta’ priġunieri f’Diviżjoni 1 ikompli jikkonferma kif għadd ġmielu ta’ priġunieri qed ikjomplu jabbużaw mid-droga fil-Ħabs stess.
Is-sorsi ta’ Il-Mument qalu wkoll li t-Tmexxija tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin qed issibha diffiċli ħafna biex tikkontrolla l-abbuż tad-droga fil-Ħabs, tant li ftit li xejn qed tkun effettiva fil-ġlieda tagħha kontra l-abbuż tad-droga.
Ftit tal-ġimgħat ilu, l-istess gazzetta żvelat informazzjoni sensittiva kif qed tiddaħħal id-droga fil-Ħabs bla ma kien hemm ċaħda min-naħa tal-awtoritajiet konċernati. Fil-binja tal-Ħabs in-negozju tad-droga hu regolari u organizzat b’mod fin ħafna. Jirriżulta li min imexxi d-droga jaqsam id-droga f’volum ferm iżgħar minn meta tkun negozjata barra l-Ħabs.
L-istess gazzetta rrapportat li għal kull pakkett droga ġeneralment jintalab ħlas ta’ €10. Dawn jitħallsu billi min ikun biegħ id-droga jibgħat persuna terza għand persuna terza li tkun tiġi mill-priġunier li jkun irċieva d-droga u hekk il-flus jgħaddu minn id għall-oħra barra l-Ħabs.
Jirriżulta li bosta drabi l-ħlas ma jsir għal kull pakkett droga li jkun inbiegħ, iżda jsir billi jinġabru ħames jew għaxar darbiet ta’ pakketti u hekk min jitħallas jingħata €50 jew €100.
Id-droga tiddaħħal minn persuni li qed jintbagħtu jaħdmu fil-komunità. Mhux il-priġunieri kollha li jintbagħtu jaħdmu barra jabbużaw, iżda hemm fosthom min qiegħed idaħħal id-droga fil-Ħabs billi qabel ma jidħol lura, idaħħal il-pakkett mgħoddi lilu fil-warrani u għalhekk meta ssirlu t-tfittxija biex jidħol lura ma jinstab xejn fid-deher fuqu.
Id-droga qed tiddaħħal ukoll f’okkażjonijiet ta’ kuntatt personali. Fil-Ħabs hemm kmamar apposta biex il-priġunieri – waħidhom u mingħajr sorveljanza ta’ xejn – ikollhom kuntatt personali mar-raġel, is-sieħeb, il-mara jew mas-sieħba tagħhom. F’ċerti okkażjonijiet minn dawn iż-żjarat, id-droga tgħaddi minn persuna għall-oħra billi d-droga tinħeba fil-partijiet intimi.
Is-sorsi li tkellmu ma’ Il-Mument saħqu li kemm-il darba t-Tmexxija tal-Ħabs trid tassew tindirizza din il-problema tal-abbuż tad-droga tista’ tirrikorri għal ċerti miżuri iebsa li tassew ikunu effettivi fil-ġlieda kontra d-droga u mhux kif inhi s-sitwazzjoni preżenti fejn wieħed isib id-droga b’ħafna aktar faċilità milli kieku jkollu jfittixha ‘l barra mill-Ħabs.
//= $special ?>