Kurżitajiet

Tinsteraq Ferrari Daytona li darba kienet il-proprjetà ta’ Dodi al Fayed

Karozza rari tat-tip Ferrari Daytona li darba kienet il-proprjetà ta’ Dodi Fayed, is-sieħeb tal-mibkija Prinċipessa Diana ta’ Wales, insterqet minn kumpless għat-tiswijiet tal-vetturi f’Melbourne, fl-Awstralja.

Grupp ta’ ħallelin li daħlu fil-kumpless inkwistjoni telqu mill-inħawi b’din id-Daytona ħamra, li ħarġet mill-fabbrika fl-1972 u b’karozza oħra, Ferrari 328, li tiswa $100,000.

Id-Daytona inkwistjoni hi karozza ‘esklussiva’ li tiswa $2.5 mijuni u li fil-passat instaqet minn James Hunt, il-leġġenda tal-Formula 1 u l-mużiċista tal-Pink Floyd Roger Waters. Il-vettura hi wkoll imprezzabbli minħabba li fl-Awstralja hemm biss erba’ karozzi tat-tip tagħha.

Is-serqa mill-workshop industrijali ta’ Braeside damet biss erba’ minuti, bil-pulizija taħseb li l-ħallelin użaw il-forza ma’ roller door biex jidħlu. Dan wara li d-Daytona kienet iddaħħlet hemm għal xi tiswijiet żgħar wara li spikkat waqt il-wirja tal-Motorclassica f’Melbourne. Fil-fatt, proprju tliet ġimgħat qabel, kien tlesta xogħol ta’ restawr fuq din il-karozza klassika li dam għal snin.

Id-Daytona misruqa kienet inxtrat mis-sinjurun Mohamed Al-Fayed ( l-eks proprjetarju ta’ Harrods) fis-snin disgħin; b’Al Fayed jgħaddi l-karozza lill-ibnu, Dodi, li fis-sajf tal-1997 miet traġikament waqt inċident stradali taħt il-mina ta’ Pariġi li swiet ukoll il-ħajja tal-Prinċipessa Diana.

Il-proprjetarju attwali tad-Daytona hu Enzo Ceravolo, sid ta’ ristorant u residenti f’Melbourne li kien xtara din il-karozza fir-Renju Unit, daqs ħames snin ilu. Ingħad li Ceravolo hu ‘ferm imnikket’ bit-telfa tad-Daytona u qed jappella lill-ħallelin biex jirritornawha.