Internazzjonali

Aung San Suu Kyi fiduċjuża mir-rebħa

Il-Partit Lega Nazzjonali għal Demokrazija (NLD) ta’ Aung San Suu Kyi qal li hu fiduċjuż mir-rebħa fl-ewwel elezzjoni nazzjonali miftuħa għal kulħadd, f’25 sena.
Kelliema għall-NLD, li ilu l-aħħar snin fl-Oppożizzjoni, qalu li l-partit qed jistenna li jirbaħ mas-70 fil-mija tas-siġġijiet, waqt li Suu Kyi, fl-ewwel kummenti, sostniet li kulħadd għandu idea tar-riżultat.
Skont l-ewwel riżultati uffiċjali, l-NLD rebaħ l-ewwel 12-il siġġu kkonfermati – kollha fid-distrett elettorali ta’ Yangon. Dan meta l-Partit tal-Unjoni, Solidarjetà u Żvilupp (USDP) li għandu l-appoġġ tal-Armata u li ilu fil-poter mill-2011, jidher li mar ħażin, tant li U Htay Oo, il-Kap proviżorju tal-USDP, qal li kien tilef is-siġġu tiegħu lill-NLD. Intant, il-kummissjoni elettorali sal-bieraħ ma kkonfermatx uffiċjalment li n-NLD kiseb mas-70 fil-mija tal-vot popolari.
Madankollu, U Htay Oo qal li l-USDP irid isib ir-raġuni għaliex tilef u li l-partit tiegħu qed jaċċetta r-riżultat mingħajr riservi.
Min-naħa tagħha, Aung San Suu Kyi, li fl-1991 rebħet il-Premju Nobel għall-Paċi, indirizzat folla ta’ partitarji f’Yangon u ħeġġithom biex jistennew ir-riżultat bis-sabar kollu. Hu minnu li kwart tas-siġġijiet parlamentari huma riservati għall-Armata u l-NLD jeħtieġ li jikseb tal-anqas żewġ terzi tas-siġġijiet ikkontestati għal maġġoranza effettiva.
It-tragward mhux impossibbli jekk l-NLD, li hu popolari fiz-zoni urbani, jirnexxilu jirbaħ siġġijiet fl-inħawi rurali tal-Myanmar fejn qed jiddominaw il-minoranzi etniċi.
Fl-istess ħin, Suu Kyi ma tistax issir President tal-Myanmar għaliex il-Kostituzzjoni tipprojbixxi lil residenti bl-ulied barranin milli jikkwalifikaw għall-kariga. Dan meta ż-żewġ ulied ta’ Suu Kyi għandhom ċittadinanza Britannika.