Għawdex Lokali

Dar għall-Anzjani – Suppost lesta imma għadha ħofra

Ritratt mill-arkivji

Il-Gvern ma żammmx mal-wiegħda li ta l-Ministru Anton Refalo li jlesti l-proġett tad-Dar għall-Anzjani f’Għajnsielem f’sena u nofs. Sal-lum minkejja li għaddew sena u disa’ xhur, il-proġett għadu ħofra.

Il-Ministru Anton Refalo qal fil-Parlament meta kien mistoqsi mix-Shadow Minister għal Għawdex Chris Said dwar il-proġett ta’ Dar għall-Anzjani f’Għajnsielem, li l-Ministeru ser jagħmel l-almu kollu tiegħu biex din id-Dar tinfetaħ fil-futur qarib.

Dan jikkuntrasta bil-kbir ma’ dak li kien iddikjara l-Ministru Anton Refalo fil-bidu tas-sena li għaddiet. Fit-8 ta’ Frar 2014, il-portal tal-General Workers’ Union ikkwota lill-Ministru Anton Refalo jgħid li d-Dar għall-Anzjani f’Għajnsielem tkun lesta fi żmien sena u nofs oħra. Dakinhar kien tħabbar li l-proġett għadda mill-proċess tal-applikazzjonijiet mal-MEPA. Dan kien intqal li se jwassal biex Dar San Ġużepp tinbidel f’dar għall-anzjani.

Il-Perit tal-proġett kien ukoll ikkonferma mas-sit elettroniku tal-GWU, li d-dar il-ġdida tal-anzjani f’Għajnsielem Għawdex mistennija titlesta fi żmien sena u nofs .

Fi Frar tas-sena l-oħra, kien ippjanat li x-xogħlijiet jibdew lejn Ottubru jew Novembru tas-sena l-oħra – madwar sena ilu.

Skont kif kien intqal u ddikjara fi Frar tas-sena l-oħra l-Ministru Anton Refalo, dan kien ifisser li din kellha tkun lesta sat-8 ta’ Awwissu li għadda – tliet xhur ilu. Iżda sal-lum is-sit għadu ħofra.

Mitlub jikkummenta dwar it-tkaxkir tas-saqajn ta’ dan il-Gvern biex iwettaq proġett wieħed ta’ dar għall-anzjani, ix-Shadow Minister għal Għawdex Chris Said esprima t-tħassib tiegħu dwar dan id-dewmien u staqsa kif din id-dar ser tinfetaħ fil-futur qarib b’€60,000 biss ivvutati għas-sena d-dieħla?

Is-sena l-oħra għal dan il-proġett kien hemm ivvutati €400,000 li ma ntuża xejn minnhom. Issa, skont il-Baġit li għadu kemm ħabbar il-Gvern, għas-sena 2016 ġew ivvutati biss €60,000 – meta l-Ministru kien qal li din ser tiswa aktar minn €4 miljun.