Internazzjonali

Europol twissi… it-traffikanti tas-sess qed jgħassu fuq immigranti tfal

Tfal refuġjati u immigranti li jaslu fl-Ewropa qed isibu ruħhom fil-mira ta’ klikek ta’ traffikanti, fosthom għal skopijiet ta’ sess.

Il-Europol wissiet li l-ġenn li ħolqot il-kriżi tal-immigrazzjoni fl-Ewropa wasslet biex tfal li jaslu fil-kontinent, speċjalment dawk li ma jkunux akkumpanjati minn adulti, jisfaw fil-mira ta’ traffikanti li jfittxu li jabbużaw minnhom.

“Klikek kriminali moderni u organizzati jmorru fejn ir-riskji huma baxxi u fejn l-opportunitajiet huma għolja”, spjega l-kap ta’ Europol, Brian Donald f’Madrid fl-aħħar jiem. Huma t-tfal, tfajliet u dawk taħt l-età li jkunu waħedhom li huma l-iktar fil-mira ta’ min ifittex predi għall-prostituzzjoni jew għall-iskjavitù, kompla jgħid Donald.

Europol u aġenziji oħra Ewropej irreġistraw 7,000 tfal mhux akkumpanjati li daħlu fl-Ewropa fl-aħħar xhur imma ċ-ċifra hi meqjusa bħala biss parzjali.

Donald wissa wkoll dwar il-probabilità li klikek ta’ traffikanti qed jiftehmu ma’ klikek li jaħdmu fl-industrija tas-sess u tal-iskjavitù. Qal ukoll li terz tan-netwerks tat-traffikar jaħdmu wkoll f’oqsma oħra kriminali, inkluż droga u traffikar tal-bniedem hekk kif sejjaħ il-kampijiet ta’ refuġjati li qed jiżdiedu madwar l-UE, bħala art fertili għall-klikek kriminali organizzati.

Kliem Donald wasal ftit jiem biss wara li fil-Ġermanja, raġel ammetta li qatel tifel ta’ erba’ snin mill-Bożnja wara li ħatfu minn ċentru ta’ refuġjati fil-bidu t’Ottubru. Mohamed Januzi kien jgħix hemm ma’ ommu u ħutu.

Iktar kmieni din is-sena, grupp ta’ organizzazzjonijiet Ġermaniżi li jaħdu fil-qasam tan-nisa, wissew li hemm kultura ta’ stupru u vjolenza f’wieħed mill-ikbar kampijiet ta’ refuġjati fil-pajjiż. Madwar 5,000 immigrant li qed jistennew li tiġi kkunsidrata t-talba tagħhom għall-ażil, qed jgħixu f’dawk li kienu bażijiet militari f’Giessen, fil-punent tal-Ġermanja, fejn is-sitwazzjoni ġiet deskritta bħala waħda diffiċli ħafna għan-nisa u t-tfal.