Lokali

Filmat: Michael Falzon iħalli kollox f’idejn il-Prim Ministru

Is-Segretarju Parlamentari Michael Falzon iħalli f’idejn il-Prim Ministru biex jiddeċiedi x’għandu jagħmel wara li rapport żvelat tal-investigazzjoni tal-IAID, li hu d-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Interni, sab li l-valutazzjoni ta’ propjeta’ ta’ Gaffarena fi Strada Zekka kienet waħda esaġerata.

Mistoqsi jekk iħossx li għandu jerfa’ r-responsabilta’ politika wara li bħala s-Segretarju Parlamentari fi ħdan l-uffiċċju tal-Prim Ministru poġġa l-firma tiegħu fuq dan il-ftehim, Michael Falzon wieġeb hekk.

Skandlu ieħor kien dak tal-permess maħruġ mill-Gvern Laburista eżatt wara l-elezzjoni, b’Gaffarena jikseb permess biex jiftaħ pompa tal-petrol f’Ħal Qormi, permess li kien miżmum minn Gvern nazzjonalista għaliex din inbniet b’mod illegali.

Dwar dan fl-aħħar jiem Michael Farrugia, li qabel Michael Falzon kien responsabbli mill-MEPA, qal li l-permess tal-pompa ħareġ għax kien imwiegħed lil Gaffarena qabel l-elezzjoni.

Iżda Michael Falzon ma jafx min wiegħed dan minkejja li hu fatt magħruf li hu ħabib Ta’ Gaffarena.

Il-ġurnalisti kellhom iżjed x’jistaqsu, madankollu fil-pront Michael Falzon qam minn postu u beda ħiereġ ‘il barra.

Il-ġurnalisti saqsew lil Michael Falzon iżda rrifjuta li jgħid jekk marx jiekol ma’ Gaffarena f’ĦażŻebbuġ, f’April 2012, fil-preżenza tal-Prim Ministru Joseph Muscat u deputati oħra tad-distrett.

Filwaqt li kompla ħiereġ ‘il barra, hu kien mgħasses minn uffijali mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru, ewlieni fosthom Etienne Mark li saħansitra mbutta ġurnalist li kien qed jipprova jagħmel il-mistoqsijiet.