Għawdex Lokali

Filmat: Tkompli tikber l-incertezza għall-ħaddiema fl-Isptar t’Għawdex.

Waħda mid-diffikultajiet li mistennija ġġib magħha l-privatizzazzjoni tal-Isptar f’Għawdex hi għal dawk il-ħaddiema li ma jkunux jixtiequ jibqgħu jaħdmu fil-privat. Qabel, minħabba li l-Isptar kien tal-Gvern, dawn il-ħaddiema kellhom il-faċilità jitolbu trasferiment għal Dipartiment ieħor f’Ghawdex.

Madankollu, dan issa mhux se jkun possibbli u, jekk il-ħaddiema ma jkunux jixtiequ jibqgħu jaħdmu fl-Isptar privat ta’ Għawdex, dawn se jkollhom jiġu trasferiti għal Malta. Hekk ikkonfermaw rappreżentanti tal-Unions f’pajjiżna, f’interventi li għamlu waqt il-programm Newsdesk fuq Radio 101.

Is-Segretarju Ġenerali tal-Union Ħaddiema Magħqudin Josef Vella qal li f’Għawdex hemm problema għax ħadd ma jista’ jiggarantixxi xejn lill-Għawdxin li ma jridux jibqgħu mal-privat. Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja qal li se jkun hemm problema jekk l-Għawdxin jintalbu jinżlu Malta.

Ir-rapprezentanti tal-Unions kollha kkonfermaw li għadhom ma rawx il-kuntratt li ffirma l-Gvern għall-privatizzazzjoni tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Risposta xotta ta’ le mis-Segretarju Ġenerali tal-GWU u anke s-Segretarju Ġenerali tal-MUMN Colin Galea.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Generali tal-MAM Martin Balzan għażel li jwieġeb b’mod sarkastiku għall-mistoqsija dwar jekk rax il-kuntratt li ffirma il-Gvern għall-privatizzazzjoni tal-Isptar ta’ Għawdex. Kummenti iebsa wkoll mis-Segretarju Ġenerali tal-UĦM, li sostna li din il-politika ta’ segretezza għandha tieqaf minnufih.