It-Tenur Joseph Calleja kien il-protagonist ewlieni fil-kunċert li inawgura l-Jiem Kulturali Ewropej fi Frankfurt fil-Ġermanja.
Ospitati kull sena mill-Bank Ċentrali Ewropew, il-Jiem Kulturali Ewropej jagħmlu aċċenn fuq il-kultura ta’ pajjiż partikolari. Din is-sena l-Jiem Kulturali Ewropej se jkunu qed jiffukaw fuq Malta u bħala tema ċentrali ntgħażlet it-tema ‘Vibrant Malta’. Għal din l-okkażjoni, il-Bank Ċentrali ta’ Malta fassal programm mifrux fuq xahrejn bis-sehem tal-aqwa talent f’pajjiżna.
Il-kunċert li inawgura l-Jiem Kulturali Ewropew ta’ din is-sena ra s-sehem tat-tenur Joseph Calleja bis-sehem tal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali taħt id-direzzjoni ta’ Maestro Brian Schembri. Il-kunċert sar fil-famuż Alte Oper Theatre fiċ-ċentru tal-belt ta’ Frankfurt.
F’kummenti li ta lill-ġurnalisti Maltin li żaru Frankfurt għall-ftuħ tal-Jiem Kulturali Ewropej, it-Tenur Joseph Calleja fisser dan il-kunċert bħala vittorja għall-kultura Maltija.
Fil-fatt, minbarra diversi arias minn opri differenti, il-kunċert kien jinkludi wkoll żewġ siltiet partikolari: is-silta Intermezzo minn Il-Wegħda ta’ Charles Camilleri u s-silta ‘Il-Kebbies tal-Fanali’ tal-poeta Anton Buttigieg. Din kienet l-ewwel darba li t-tenur Malti Joseph Calleja kellu l-opportunità li jkanta barra minn Malta ma’ orkestra Maltija taħt it-tmexxija ta’ surmast Malti f’kunċert li matulu tkantaw ukoll siltiet Maltin.
Il-kunċert intlaqa’ tajjeb ħafna minn dawk kollha preżenti bit-Tenur Joseph Calleja jitkellem dwar “atmosfera ta’ elettriċità” waqt il-kunċert minħabba li kien hemm ħafna entużjażmu minn dawk kollha preżenti waqt il-kunċert kollu.
Il-kunċert kellu diskors ta’ introduzzjoni mill-President tal-Bank Ċentrali Ewropew Mario Draghi, il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali Josef Bonniċi u l-Lord Mayor tal-belt ta’ Frankfurt Peter Feldmann.
//= $special ?>