Fl-isfond majestuż tal-Palazz tal-President fil-Belt Valletta, it-Tnejn filgħaxija tnieda l-ktieb ‘Hekk Nafhom Jien’, miktub mill-eks Kummissarju Ewropew u eks Ministru Nazzjonalist Tonio Borg.
Ktieb li jiġbor fih ir-rakkont ta’ 61 persuna li ltaqa’ magħhom jew ħadmu flimkien matul ħajtu u l-karriera tiegħu. Jakkumpanjaw dawn ir-rakkonti, fil-ktieb wieħed isib ukoll għażla rikka ta’ ritratti, uħud minnhom li qed jiġu ppublikati għall-ewwel darba.
F’diskors tal-okkażjoni, Fr. Joe Borg fisser dan il-ktieb bħala sensiela ta’ rakkonti li jlaqqgħuna ma’ realta’ soċjali li m’għadiex teżisti, fejn kważi kull storja tispiċċa b’tagħlima.
Imma fuq kollox Fr. Joe Borg irrimarka li Tonio Borg ilaqqa’ lill-qarrej ta’ dan il-ktieb ma’ ħafna nies ċkejkna, li ma waslux sal-headlines imma li Tonio Borg itihom importanza għaliex jirrikonoxxi kemm kienu importanti biex wasal u kiseb is-suċċessi matul il-karriera.
Minn naħa tiegħu l-Professur Henry Frendo qal li dan hu ktieb li fih fili sħaħ ta’ storja politika u soċjali, li fost l-oħrajn ifakkar fl-episodju meta hu kien arrestat għaliex qabeż għall-istudenti tal-mediċina fl-Universita’ ta’ Malta.
Jgħid li dakinhar, fl-1977, kien l-ewwel darba li ltaqa’ ma’ Tonio Borg, li kien hu, flimkien ma’ studenti oħra, li daħlu għall-Professur Frendo u ħarġux fuq l-idejn waqt li kien qed jinżamm arresta.
Fi ftit mumenti, il-Professur Frendo spiċċa jindirizza lill-istudenti, meta ftit qabel kien arrestat.
Kompla li min ma għex dawk iż-żminijiet bilkemm jemmen dak li kien iseħħ, imma li dan il-ktieb ta’ Tonio Borg itihom il-ħajja mill-ġdid.
‘Hekk Nafhom Jien’ hu publikazzjoni ta’ Kite Group.
//= $special ?>

