Waqt li illum kulħadd qed jiddiskuti jekk it-toroq tal-Belt u l-Furjana għandhomx jibqgħu aċċessibbli għall-ġranet taċ-CHOGM, forsi ftit jiftakru dak li seħħ għaxar snin ilu waqt l-istess summit.
F’Novembru 2005, mhux talli t-toroq baqgħu aċċessibbli, talli fil-Belt l-GWU organizzat protesta kontra l-Gvern Nazzjonalista. U fil-Floriana inżamm post partikolari fejn kellhom jipparkjaw dawk li ħarġu jagħmlu din id-dimostrazzjoni meta f’Malta kien hawn ir-Reġina Eliżabetta II, Prim Ministri u Kapijiet minn madwar id-dinja kollha.
Dan ir-ritratt meħud mit-Times juri n-nies li nġabru fid-daħla tal-Belt Valletta. Fl-2005, il-GWU kienet saħansitra applikat mal-Pulizija biex tagħmel żewġ protesti kuljum.
Differenza oħra minn għaxar snin ilu huwa l-mod kif qed jimxi l-Korp tal-Pulizija, b’segretezza enormi dwar il-Valletta Summit u ċ-CHOGM – meta fil-verita’ n-nies qed jappellaw għall-informazzjoni biex ikunu jafu liema toroq se jkunu aċċessibbli.
Fl-2005, din l-informazzjoni kienet ingħatat f’konferenza tal-aħbarijiet mogħtija mill-Kummissarju ta’ dak iż-żmien John Rizzo.
//= $special ?>