Internazzjonali

Il-Gvern ta’ Katalonja jkompli bl-impenn biex jissepara minn Spanja

Il-Gvern reġjonali ta’ Katalonja ivvota favur riżoluzzjoni biex jinfired minn ma’ Spanja. Dan bħala l-bidu tal-hekk imsejħa roadmap lejn l-indipendenza ta’ Katalonja, meta l-Gvern ta’ Madrid hu impenjat biex iwaqqaf it-tragward akkost ta’ kollox.

Id-dikjarazzjoni dwar il-proċess tas-separazzjoni hu l-ewwel pass li l-partiti favur l-indipendenza qed jittamaw li jwassal għal Katalonja ‘ħielsa mill-irbit ma’ Spanja’ fi żmien sena u nofs oħra. Din id-dikjarazzjoni kellha l-appoġġ tal-maġġoranza tal-membri fil-parlament reġjonali.

Il-partiti politiċi li jridu l-indipendenza minn Spanja kienu rebħu l-maġġoranza tas-siġġijiet fl-elezzjoni reġjonali ta’ Settembru għall-Katalani.

Il-Kostituzzjoni ta’ Spanja, madankollu, ma tippermettix li kwalunkwe reġjun jinqata’ mill-kumplament tal-pajjiż. Fl-istess ħin, il-Gvern tal-Prim Ministru Spanjol Mariano Rajoy għamilha ċara li lest jirrikorri għall-qrati biex ‘jiffriża’ r-riżoluzzjoni.