Internazzjonali

Il-kriżi tal-immigrazzjoni fl-Ewropa…il-Lussemburgu jwissi

Il-kriżi tal-immigranti li qed tiffaċċja l-Ewropa bħalissa tista’ twassal għall-kollass tal-Unjoni Ewropea kif ukoll għal gwerra.
Dan qalu Jean Asselborn, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Lussemburgu, waqt intervista mal-aġenzija tal-istampa Ġermaniża DPA. Skont Asselborn, is-sitwazzjoni imponiet theddida sostanzjali għall-Ftehim ta’ Schengen – l-element kruċjali li jiffaċilita l-ivvjaġġar mill-fruntieri tal-UE u li jieħu l-isem mill-belt (fil-Lussemburgu) fejn kien intlaħaq il-ftehim.
Fil-fatt, Jean Asselborn, li hu l-aktar Ministru Ewropew li ilu f’din il-kariga, wissa li l-Ewropa, forsi, fadlilha biss ftit xhur biex issalva l-ftehim.
Il-Ministru kompla li l-Unjoni Ewropea tista’ wkoll tikkrolla b’rata mgħaġġla ladarba l-iżolament, aktar milli s-solidarjetà, isir ir-regola tal-ġurnata.
Asselborn mhux l-ewwel politiku Ewropew li wissa dwar it-tiġrif tal-Unjoni Ewropea.
Il-Prim Ministru tas-Slovenja, Miro Cerar, ix-xahar li għadda esprima t-tħassib li l-UE kapaċi ‘tiddiżintegra’ f’każ li ma tinstabx soluzzjoni li tnaqqas mill-influss tar-refuġjati u l-immigranti lejn l-Ewropa.
Sadanittant, it-twissija tal-Lussemburgu tidher li fiha aktar x’tomgħod. Dan meta l-istat għandu l-presidenza attwali tal-UE filwaqt li hu wieħed mis-sitt stati li kienu waqqfu l-grupp ta’ pajjiżi.
Asselborn ikkritika lill-politiċi li jużaw il-biża’ dwar l-immigrazzjoni bħala mezz jew għodda biex jappellaw għall-votanti. Hu sostna li fl-UE għad hemm min ma fehemx jew għadu ma ħaddanx il-kunċett veru u valur tas-sħubija f’din l-Unjoni.