Propost żvilupp ta’ 300 appartament f’Ta’ Masrija fil-Mellieħa wara li l-MEPA tibdel il-policy u tħalli bini ta’ aktar minn seba’ sulari
Il-MEPA fl-aħħar ġimgħat ċediet għal pressjoni li kienet ilha ssir sa minn Lulju tal-2007, u biddlet il-policy tal-iżvilupp fiz-zona f’Ta’ Masrija fil-Mellieħa, fejn issa se jkun jista’ jsir bini li jaqbeż is-seba’ sulari.
Id-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar ikkritika bil-qawwa lill-Gvern għal din id-deċiżjoni għall-bidla fil-policy filwaqt li saħaq li din id-deċiżjoni se toħloq preċedent ikreh.
Il-Kunsill Lokali b’maġġoranza Laburista wkoll bidel il-pożizzjoni
Fl-Aġġornament tal-lejla fil-Parlament, id-Deputat Nazzjonalista qal li l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa, illum b’maġġoranza Laburista, ukoll bidel il-pożizzjoni dwar dan l-iżvilupp fiz-zona f’Ta’ Masrija. Semma li meta kien Sindku hu tal-Mellieħa, kien hemm oppożizzjoni qawwija, anke mill-Kunsill li kien imexxi hu kontra li tinbidel il-policy biex jitħalla żvilupp ta’ aktar minn seba’ sulari.
Petizzjoni mir-residenti fl-2006
Fl-2006 kienet saret ukoll petizzjoni ffirmata mir-residenti taz-zona. B’dispjaċir qal li dak li ma kienx jgħaddi għall-Kunsill Lokali tal-Mellieħa ta’ dak iż-żmien, illum sar jgħaddi. Spjega li z-zona f’Ta’ Masrija tinsab fil-by-pass tal-Mellieħa eżattament kif tintemm it-telgħa tal-Miżieb, li hi wkoll parti miz-zona tas-sit Natura 2000.
Robert Cutajar saħaq li l-MEPA ċediet għall-pressjoni tal-iżviluppaturi b’mod kurjuż u kapriċċuż, u appella lill-MEPA tagħti widen għall-appelli tar-residenti meta tiġi biex tiddiskuti applikazzjoni ta’ żvilupp f’din iz-zona.
Ebda studju dwar l-impatt soċjali
Irrimarka wkoll li dak li għal numru ta’ snin mexxiet ir-raġuni li ma tridx forza, illum sfuma fix-xejn. Wara li l-Gvern tefa’ din id-deċiżjoni f’ħoġor il-MEPA, dak li kien beda jiġi antiċipat, seħħ. Din il-bidla fil-policy tal-MEPA, qal Robert Cutajar, se tkun tfisser żvilupp ta’ madwar 300 appartament fiz-zona, u li dwaru qal li ma sar ebda studju dwar l-impatt soċjali.
Ikkritika wkoll lill-MEPA li ma kellhiex il-kuraġġ tgħid li dan l-iżvilupp propost jinkludi 300 appartament fl-għolja Ta’ Masrija.
Robert Cutajar esprima d-diżappunt f’isem ir-residenti ta’ din iz-zona għall-mod kif il-MEPA ċediet għall-pressjoni li kienet ilha tinżamm sa minn Lulju tal-2007. Appella lill-MEPA tagħti widen u tirrealizza li sar żball meta tiġi biex tiddiskuti dan l-iżvilupp propost f’Ta’ Masrija.