Għawdex Lokali Saħħa

Il-UĦM imħassba dwar il-kredenzjali tas-sidien il-ġodda wara l-privatizzazzjoni tal-Isptarijiet

Il-Union Ħaddiema Magħqudin iddikjarat li hi mħassba dwar il-kredenzjali tas-sidien il-ġodda tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, San Luqa u Karin Grech, li l-Gvern se jipprivatizza. Fi stqarrija, l-UĦM ikkummentat dwar artiklu ppubblikat f’gazzetta lokali, filwaqt li sostniet it-tħassib dwar dak ippubblikat fuq il-kredenzjali ta’ wieħed mill-investituri barranin li se jieħdu f’idejhom l-isptarijet.

Fir-rapport, il-gazzetta qalet li l-Kanadiż ta’ oriġini Indjana Sri Ram Tumuluri, li l-Ministru Konrad Mizzi introduċieh bħala “is-sid il-ġdid tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex”, hu fallut. Kompliet li Tumuluri m’għandu l-ebda investiment simili jew ieħor ta’ ċertu kobor f’ismu, kif ukoll m’għandu l-ebda rekord ta’ suċċess bħala investitur.

Id-dubji dwar il-kredenzjali tas-sidien il-ġodda qed ikomplu jżidu l-biża’ tal-ħaddiema, b’mod speċjali dawk tal-Isptar ta’ Għawdex, b’tobba u infermieri jinsabu mħassba dwar il-futur tal-post tax-xogħol tagħhom. Fid-dawl ta’ dan, iddikjarat il-UĦM, l-uniku mod kif dan it-tħassib kollu jista’ jiġi evitat hu biss jekk il-Gvern jippubblika l-ftehim li ffirma mas-settur privat għall-privatizzazzjoni tal-isptarijiet pubbliċi.

Fl-istqarrija, il-UĦM ippreċiżat ukoll li l-ftehim li laħqet mal-Gvern fuq il-kundizzjonijiet għall-ħaddiema involuti f’dan il-public-private partnership se jiġi ffirmat bejnha u l-Gvern biss, u mhux mal-investituri barranin.

F’dan il-Memorandum of Understanding, qalet il-UĦM, se jiġi mħares id-dritt li l-ħaddiema jibqgħu impjegati mal-Gvern f’każ li l-investitur jibqa’ dak li hu, jinbidel jew anke jekk il-proġett jerġa’ jiġi lura f’idejn il-Gvern.