Ir-rapport tal-għażla fl-għoti tal-kuntratt dwar l-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza kien ibbażat fuq evalwazzjoni ta’ kriterji stabbiliti fis-sejħa għall-proposti li fosthom ma kienx hemm evalwazzjoni tal-kummissjoni li għandha titħallas.
It-tliet membri li kienu jiffurmaw il-Kumitat tal-Għażla għal din l-iskema ma ftakrux b’liema mod kienu infurmati bil-ħatra tagħhom, u lanqas min minnhom kiteb ir-rapport finali li miegħu qablu unanimament.
Dettalji dwar il-mod kif mexa l-Bord tal-Għażla kif ukoll il-Bord tal-Appell, ingħataw waqt laqgħa tal-Kumitat Parlamentari dwar il-Kontijiet Pubbliċi li llejla kompla janalizza l-għoti tal-kuntratt lil Henley and Partners.
Il-Ministru Bonnici ma baqax parti mill-Kumitat Parlamentari minħabba kunflitt ta’ interess
Fil-bidu tas-seduta, iċ-Chairman tal-Kumitat, id-Deputat Nazzjonalista Tonio Fenech, ġibed l-attenzjoni tal-Ministru Owen Bonnici dwar id-dikjarazzjoni li kien għamel f’seduta preċedenti li hu jista’ jkollu kunflitt ta’ interess peress li kien involut fil-proċess tal-iskema.
Tonio Fenech qal li l-Oppożizzjoni tħoss li minħabba dan il-kunflitt ta’ interess, il-Ministru me kellux jibqa’ parti mill-Kumitat Parlamentari.
Il-Ministru Owen Bonnici qal li hu jibqa’ membru tal-Kumitat sakemm ma jkunx il-Kumitat li jiddeċiedi li ma ma jibqax. Spjega li hu kien biss involut fil-proċess kollu tat-tfassil tal-iskema, iżda qatt ma kien parti fil-proċess tal-għażla jew proċessi oħra sussegwenti.
Owen Bonnici qal li filwaqt li lest li jirtira mill-Kumitat jekk il-Kumitat irid hekk, ma jistax jaqbel li n-naħa tal-Gvern titħalla b’membru inqas.
Tonio Fenech qal li filwaqt li l-Oppożizzjoni tibqa’ tal-fehma li l-Ministru Bonnici ma jkunx membru tal-Kumitat, u lli għandu jkun nominat membru ieħor tal-Gvern. Kien hemm qbil ukoll li fis-seduta ma jittieħed l-ebda vot biex b’hekk is-seduta tkun tista’ tkompli regolarment.
Jixhdu t-tliet membri tal-Kumitat tal-Għażla
Is-seduta kompliet billi ssejħu jixhdu t-tliet membri tal-Kumitat tal-Għażla kif ukoll il-membri tal-bord tal-appell. Fix-xhieda tagħhom b’mod separat, it-tliet membri tal-Bord tal-Għażla, Joe Bannister, Marvin Gaerty u Mario Vella, kollha qalu li peress li issa kienu għaddew sentjen, ma jiftakrux kif kienu infurmati biex jiffurmaw parti minn dan il-Bord tal-Għażla jekk hux b’ittra, jew b’email, jew telefonata. Jafu li kienu ġew infurmati mill-Ministeru tal-Intern u Ġustizzja, iżda ma jiftakrux b’liema mod u minn min.
It-tliet membri qalu li ma kien hemm l-ebda termini ta’ riferenza li kellhom jimxu dwarhom, iżda mxew skont il-kriterji stabbiliti fid-dokument mgħoddi lilhom.
Taqa’ l-offerta tal-KPMG u tintgħażel ta’ Henley and Partners
Il-proċess kien maqsum fi tliet fażijiet. Wara l-ftuħ tal-offerti ġie stabbilit li t-tliet applikanti kellhom id-dokumentazzjoni kollha mitluba. Fil-proċess sussegwenti twaqqgħet l-offerta tal-KPMG peress li ma kinitx tissodisfa l-kriterju tal-esperejnza. Fit-tielet fażi l-għażla waqgħet fuq Henley and Partners peress li skont il-kriterji stabbiliti, kisbet l-akbar numru ta’ punti.
Joe Bannister qal li għalkemm ma kienx jiftakar il-kriterji kollha, li kienu tmienja, Henley and Partners kellha vantaġġ mill-fatt li kienet kumpanija li kellha ħafna esperjenza u preżenza madwar id-dinja. Qal ukoll li t-tliet membri għamlu evalwazzjoni separata li mbagħad iddiskutew flimkien, fasslu r-rapport bejniethom u finalment iffirmawh.
Hu qal li ma kienx hemm Chairman fosthom, u lanqas kien hemm maħtur Segretarju, u li ma jiftakarx min kiteb ir-rapport finali għalkemm ħadu notamenti bejniethom u finalment qablu unanimament.
Marvin Gaerty ikkonferma li l-għażla saret skont il-kriterji li kienu stabbiliti fid-dokument tas-sejħa għall-proposti. Skont hu r-rapporti finali nkiteb minn Mario Vella, li hu sejjaħlu bħala ċ-Chairman tal-Kumitat.
Bord ta’ Għażla mingħajr Chairman
Mario Vella qal li hu ma kienx Chairman u fil-fatt ma kien hemm ħadd minnhom b’din il-kariga. Hu enfasizza kemm-il darba li issa kienu għaddew sentejn u ma jiftakarx ċerti dettalji.
Mario Vella qal ukoll li ma kienx hu li kiteb ir-rapport finali iżda kien miktub kollettivament madwar il-mejda u ma jaħlifx minn min inkiteb. Li jaf żgur hu li kien iffirmat mit-tliet membri.
Mistoqsi mid-Deputat Nazzjonalista Claudio Grech jekk fil-valutazzjoni tal-għoti tal-kuntratt kienx hemm il-kriterju tal-kummissjoni dovuta lil min jirbaħ l-offerta, Mario Vella qal li ma jiftakarx. Meta ċ-Chairman qralu l-kriterji skont id-dokumenti stabbiliti, ġie kkonfermat li dan il-kriterju ma kienx wieħed li ġie valutat.
Xehdu mbagħad it-tliet membri tal-Bord tal-Appell. Dawn kienu Reno Borg, Adrian Said u Joshua Zammit, li kien iċ-Chairman ta’ dan il-Kumitat. Dawn ukoll xehdu separatament. Huma qalu li kienu ġew infurmati bil-ħatra permezz ta’ ittra mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Zammit qal li l-ittra tal-ħatra tiegħu ġiet mill-Prim Ministru.
It-tliet membri qalu li kellhom numru ta’ laqgħat li għalkemm ma jiftakrux kemm kienu, kienu laqgħat twal. Lanqas kienu f’pożizzjoni li jiftakru kemm damu jitrattaw l-appell.
F’dan il-każ ukoll, it-tliet membri ħadu notamenti u wara li evalwaw id-dokumenti sottomessi, iddiskutew. Joshua Zammit qal li kien hu li ra li jkunu miġbura flimkien in-notament tal-membri biex sar ir-rapport finali tar-rapport.
Mistoqsijin jekk ħassewx il-bżonn li jisimgħu lill-appellant u lil min rebaħ il-kuntratt, il-membri tal-Bord tal-Appell qalu li huma talbu notamenti mingħand il-partijiet li ppreżentaw flimkien ma’ xi affidavit.
Il-membri tal-Bord tal-Appell qalu li ma ħassewx il-bżonn li jisimgħu personalment lill-partijiet involuti peress li huma kienu qed jagħmlu biss valutazzjoni jekk il-Kumitat tal-Għażla mexiex skont il-kriterji stabbiliti.
Fiż-żewġ kumitati ġie kkonfermat li kien ikun hemm persuni oħra preżenti fil-laqgħat għalkemm dawn kienu persuni biex jassistuhom fi ħtiġiet liġistiċi.
//= $special ?>