Lokali Parlament

L-anzjani fuq il-waiting list għall-Meals on Wheels ilaħħqu daqs dawk li qed jirċievu s-servizz

344 qed jirċievu s-servizz ta’ ikel fid-dar u 304 jistennew għall-istess servizz

Daqskemm hemm anzjani li qed jirċievu s-servizz Meals on Wheels hemm daqstant ieħor jistennew għal dan is-servizz. B’kollox hemm 344 li qed jirċievu s-servizz ta’ ikel fid-dar, u hemm jistennew għall-istess servizz 304.

Ix-Shadow Minister għall-Politika Soċjali, Paula Mifsud Bonnici, u d-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar, ressqu diversi rimarki u mistoqsijiet fil-Parlament dwar kif il-Gvern qiegħed jindirizza din il-waiting list ta’ anzjani li qed jistennew is-servizz ta’ ikel id-dar, u dan biex jiġu nkoraġġiti li jibqgħu jgħixu f’darhom u fil-komunità.

Il-Ministru Michael Farrugia wieġeb li l-Gvern għaddej bi proċess ġdid ta’ tender għal dan is-servizz, u li għandu jirdoppja n-numru ta’ anzjani li jirċievu l-Meals on Wheels.

Il-Ministru Farrugia rrimarka wkoll li hemm anzjani li huma indipendenti u li llum xorta qed jirċievu dan is-servizz ta’ ikel fid-dar. Saħaq li dan għandu jingħata lil anzjani li huma dipendenti. Saħaq ukoll li fl-applikazzjonijiet pendenti jridu jiġu identifikati dawk li għandhom l-aktar bżonn.

Għal dawn ir-rimarki, ix-Shadow Minister Paula Mifsud Bonnici u d-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar, ressqu għadd ta’ mistoqsijiet lill-Ministru Michael Farrugia.

Robert Cutajar staqsa jekk dak li qal il-Ministru Farrugia jfissirx li hemm min qed jieħu llum dan is-servizz u li jista’ ma jibqax jieħdu. Staqsa wkoll jekk il-ħlas għal dan is-servizz taħt it-tender il-ġdid hux se jibqa’ l-istess jew hux qed jiġi kkunsidrat li jiżdied.

Il-Ministru Farrugia qal li l-prezz mhux se jinbidel u li min illum jirċievi s-servizz, se jibqa’ jirċevih. Iżda saħaq li fl-applikazzjonijiet pendenti li hemm illum, se jkun assigurat li s-servizz jingħata lil dawk li huma l-aktar ta’ prijorità u li għandhom bżonn.

Ix-Shadow Minister Paula Mifsud Bonnici saħqet li l-interess tal-Oppożizzjoni hu li min għandu bżonn dan is-servizz u qiegħed jistenna fuq il-waiting list, jingħata s-servizz mingħajr dewmien. Staqsiet lill-Gvern jekk hux qed jaħseb biex jindirizza t-talbiet ta’ anzjani li jeħtieġu s-servizz sakemm jiġi aġġudikat dan it-tender. Staqsiet ukoll lill-Gvern jgħid meta se jingħata t-tender. Staqsiet ukoll lill-Gvern jekk hux lest li jinforma lil dawk li t-talba tagħhom mhix se tintlaqa’ taħt il-kriterji li qed jagħmel dan il-Gvern fl-għoti tat-tender il-ġdid.

Il-Ministru Michael Farrugia baqa’ ma qalx meta se jiġi aġġudikat dan it-tender li se tibda taqta’ l-anzjani li huma fuq il-waiting list, u qal biss li qed jimxi bi proċess biex il-waiting list tinqata’ u t-tender se tkun qed tirdoppja s-servizz li qiegħed jingħata llum.