Il-Kummissjoni Ewropea għandha tħares mill-qrib lejn ċertu aspetti tal-proġett tal-Power Station ta’ Dellimara.
Dan qalu l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Simon Busuttil waqt laqgħa mal-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Maros Sefcovic fl-uffiċċju tiegħu fil-Parlament.
Simon Busuttil wassal erba’ punti għall-attenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar dan il-proġett. L-ewwelnett, in-nuqqas ta’ trasparenza hekk kif ebda kuntratt għadu ma ġie pubblikat għal power station li suppost kellha titlesta u tibda taħdem f’Marzu li għadda.
It-tieni punt hu dwar il-proċess ta’ procurement. Simon Busuttil staqsa kif jista’ jkun li l-proċess ma ġiex ivvizzjat meta s-sieħeb ewlieni tal-konsorzju Electrogas, irtira jew ġie mibdul minħabba li ma kienx sod finanzjarjament.
It-tielet, il-proċess x’aktarx kien ivvizzjat ukoll minħabba l-garanzija tal-Gvern ta’ €360 miljun ewro lill-konsorjzu privat. Il-Kap tal-PN qal li din il-garanzija ma kienitx fis-sejħa oriġinali u għaldaqstant wieħed jistaqsi kemm verament kien hemm playing field. Dan minbarra li r-riskju għal dan il-proġett issa qed iġorru l-pubbliku.
Ir-raba’ punt hi l-klawżola fil-kuntratt magħrufa bħala take or pay, li biha il-Gvern intrabat li jixtri l-elettriku kollu minn din il-power station għal 18-il sena, anki jekk ma jkunx l-irħas fis-suq.
Simon Busuttil qal li l-Oppożizzjoni tappoġġja l-istrateġija tal-Għaqda Ewropea tal-Enerġija sabiex ma jibqax iktar gżejjer iżolati mill-grid Ewropew tal-enerġija.
Hu fakkar kif iktar kmieni din is-sena, kien inawgurat il-proġett tal-interconnector, filwaqt li f’Mejju tal-2012, Gvern Nazzjonalista kien issottometta proposta biex isir pipeline tal-gass bejn Malta u Sqallija.
Fil-ġimgħat li ġejjin, il-Kummissjoni Ewropea mistennija tħabbar il-proġetti fil-qasam tal-Enerġija li huma ta’ prijorita’ u ta’ interess komuni u skont rapporti, il-pipeline bejn tal-gass bejn Malta u Sqallija hu fost il-proġetti meqjusin bhala ta’ prijorita’ għolja mill-Kummissjoni Ewropea.
Min-naħa tiegħu, il-Kummissarju Sefcovic qal li d-Direttorat Ġenerali tal-Kompetizzjoni fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea qed janalizza dan il-kuntratt bir-reqqa.
Hu rringrazzja għall-appoġġ ta’ Malta għall-politika ta l’hekk imsejjħa Energy Union u rrimarka l-progress li sar f’Malta f’dan ir-rigward hekk kif minn zero, 35 fil-mija tal-enerġija f’Malta ġejja mill-grid Ewropew grazzi għall-interconnector.
Iktar kmieni, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Maros Sefcovic kellu laqgħa mal-Prim Ministru Joseph Muscat kif ukoll żar ix-xogħolijiet li għaddejjin fuq il-proġett ta’ Delimara.
Hu kellu wkoll laqgħa ma’ operaturi fl-industrija kif ukoll mal-Kumitati Parlamentari tal-Affarijiet Barranin u Ewropej u tal-Affarijiet Finanzjarji u Ekonomiċi
//= $special ?>