Lokali

Muscat mill-ġdid imgiddeb

Ir-Rapport tal-Awditur Generali jikkonferma l-gideb ta’ Joseph Muscat.

Sostna dan il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija fl-ewwel reazzjoni tiegħu għall-pubblikazzjoni ta’ rapport mill-Awditur Ġenerali dwar encroachment li suppost ingħataw illegalment fix-xahrejn ta’ qabel l-elezzjoni ġenerali.

F’Novembru tal-2013, il-Prim Ministru Joseph Muscat akkuża lid-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi li ta iktar minn 100 encroachment fix-xahrejn ta’ qabel l-elezzjoni ġenerali meta kien Ministru responsabbli mill-Lands u li dan in-numru jaqbeż in-numru ta’ encroachments li ngħataw f’sena sħiħa.

Ir-rapport tal-Awditur Ġenerali igiddeb lil Muscat hekk kif instab li fl-ewwel xahrejn tal-2013, ma ngħatawx 100 encroachment, kif allega Muscat, iżda 13. Barraminhekk, l-Awditur Ġenerali ma sab ebda illegalita’ f’dawn it-13-il encroachment kif allegat minn Muscat.

L-Istqarrija tkompli li joħroġ ċar minn dan ir-rapport li hu Joseph Muscat u l-Partit Laburista nqabdu jigdbu u l-allegazzjonijiet tagħhom fil-konfront ta’ Jason Azzopardi kienu għal kollox infondati, mhux veritieri u mibnija fuq invenzjonijiet.

Il-PN qal li dan ir-rapport tal-Awditur Ġenerali jikkonferma għal darb’oħra it-tattika ta’ Muscat meta jsib ruħu dahru mal-ħajt fuq l-iskandli u l-korruzzjoni li qed jgħarrqu lil dan il-Gvern. It-tattika hi dik li jitfa’ t-tajn u jara x’jivvinta fuq l-amministrazzjoni preċedenti.

L-istqarrija ttemm li Muscat għażla waħda għandu quddiemu: li jieqaf iwebbes rasu u jieħu azzjoni fuq l-iskandli fattwali li għandu quddiemu. B’dan l-aħħar rapport li ġie ppubblikat ikompli jikkonferma kemm il-kredibilita’ ta’ Muscat nieżla ‘l isfel.