Ambjent

Nases tal-insib jinstabu f’Ħal Luqa – żewġ nassaba arrestati

Volontiera tal-CABS sabu żewġ nases tal-insib fis-santwarju tal-għasafar f’Ħal Luqa.

Il-CABS qalet li mhux permess li ssir il-kaċċa u kif ukoll l-insib fuq l-għasafar f’dawn l-inħawi imsemmija, filwaqt li rrappurtat lill-Pulizija li marru fuq il-post b’dan il-każ.

Il-Pulizija rnexxilhom jarrestaw żewġ nassaba, li kellhom in-nases u bosta għasafar tal-għana fil-gaġġeġ. Il-CABS sostniet li n-nases ġew ikkonfiskati iżda n-nassaba setgħu iżommu l-għasafar peress li kellhom iċ-ċrieket.

Fl-Istqarrija l-CABS tgħid li wettqet sorveljanza mill-ajru fuq żoni tan-Natura 2000 filwaqt li sostniet li kuntrarjament għal inħawi li huma meqjusa bħala santwarji tal-għasafar, in-nassaba jistgħu jaqbdu l-isponsuni f’dawn is-siti.

CABS qalet li l-volontiera sabu aktar minn 200 nassa fil-limiti Ta’ Ċenċ u d-Dwejra f’Għawdex, mal-irdumijiet f’Ħad-Dingli u Ħal Far.