L-istudju aktarx xokkanti li ġie ppubblikat matul il-ġimgħat li għaddew li minnu tixref realtà abbużiva u perikoluża, dik li terz tal-istudenti fl-iskejjel huma affettwati mill-ibbulljar, jitfa’ ħafna responsabbiltà fuq il-politiċi li huma fit-tmun tas-sistema soċjoedukattiva f’Malta.
Għalkemm l-istudju kien mifrux fuq kulleġġ wieħed, li jkopri seba’ skejjel primarji u sekondarji, ma nistgħux nimminimaw il-preżenza ta’ problema li jeħtiġilna nilqgħu minn kmieni sabiex nibdew negħlbuha kemm jista’ jkun malajr. F’konferenza nazzjonali li ttrattat dan is-suġġett, li ġiet ippreżentata wkoll mill-Professur Cefai, koawtur tal-istudju li qed nirreferi għalih, fit-23 ta’ Ottubru, l-Eċċellenza Tagħha l-President Marie Louise Coleiro Preca pproponiet għall-introduzzjoni ta’ policy dwar l-ibbulljar fl-iskejjel tagħna sabiex it-tfal f’riskju jkunu mħarsa. Studji varji jikkonfermaw li l-effetti tal-ibbulljar jafu jtulu saħansitra għal snin twal.
Għalkemm l-ibbulljar l-aktar komuni huwa dak li jikkonċerna abbuż fiżiku u/jew psikoloġiku, illum irridu nagħrfu li hemm tipi diversi ta’ bullying fosthom dak b’relazzjoni mal-orjentazzjoni sesswali tal-individwu. F’dan ir-rigward, ma nistax ma nirrimarkax għal waqtiet qosra dwar il-famużi kotba ‘gay’ li kienu fil-midja ftit ġranet ilu u li qajmu l-irwiefen kollha minħabba li, skont kif interpretawhom bosta, fihom kontenut li jiddotrinaw lit-tfal tagħna. Huwa tassew li bosta qed ikunu mhedda minħabba l-orjetnazzjoni sesswali tagħhom, u huwa tassew li neħtieġu aktar għarfien f’dan ir-rigward, imma qabel xejn, kien ikun aktar prudenti li kieku l-MGRM ingħaqdet ma’ għaqdiet etniċi u ta’ minoranzi oħra sabiex flimkien mal-Fondazzjoni tal-President għall-ġid tas-soċjetà titnieda strateġija sabiex l-ewwel nett jibda jkun qiegħed jiġi indirizzat l-ibbulljar b’relazzjoni mal-orjentazzjoni sesswali u fl-istess waqt issir kampanja intensiva ta’ għarfien. Nistenna li minn tal-anqas, dan huwa l-ħsieb wara l-policy li qed tipproponi l-President.
Minkejja l-intenzjonijiet it-tajba kollha wara policy ta’ dan it-tip, li iżda għandha tkun implimentata u segwita jekk qatt tista’ tkun effettiva, irridu nirrikonoxxu l-importanza tal-espressjoni individwali permezz tal-arti li tista’ tkun bla dubju arma daqstant b’saħħita għall-individwu fil-ġlieda kontra l-problema nnifisha.
Għalhekk, irrid nirrimarka dwar il-benefiċċju li l-arti tista’ tħalli fuq uliedna hawnhekk. Għaldaqstant, l-esebizzjoni ta’ tpinġijiet minn idejn it-tfal infushom li fihom esprimew il-fehimiet tagħhom dwar l-ibbulljar waqt il-konferenza tat-23 ta’ Ottubru hija l-ewwel pass li mingħajr dubju għandu jkollu sehem attiv u kontinwu fi kwalunkwe policy relatata mal-ibbulljar.
Huwa stamt li l-aktar inkwetanti f’din il-problema hija dik li l-vittma ma tasalx titkellem dwar l-abbuż minħabba biża’ u/jew minħabba nuqqas ta’ għarfien għall-ħtieġa tal-għajnuna. Daqstant ieħor hija importanti li tingħata lil kull student iċ-ċavetta li twasslu għall-arti u allura għall-espressjoni, għaliex l-arti mhux biss hija riproduzzjoni aktarx mistura tar-realtà tal-artist imma għaliex hija wkoll il-mediċini meħtieġa biex l-individwu nnifsu jħossu awtoritarju fuq l-inkonxju tiegħu f’dik l-istess espressjoni li tinbet mill-emozzjonijiet intrinsiċi.
Nifraħ għalhekk lill-edukaturi, kollegi, fil-Kulleġġ ta’ Santa Klara għall-inizjattiva oriġinali permezz tat-tnedija tal-ktieb ‘Djamantini’, ktieb li l-protagonisti ewlenin tiegħu ma huma ħadd ħlief l-istudenti nfushom. Dan għalhekk jikkonferma l-fiduċja tal-edukaturi fl-istudenti li jistħoqqilhom ikollhom kull opportunità sabiex jilħqu l-potenzjali tagħhom u jirbħu fuqhom infushom, sew jekk fil-konfront tal-ibbulljar u sew f’dak li huwa personali. Kien għalhekk allura li ‘Djamantini’ idda tul dal-wikend waqt il-Festival Nazzjonali tal-ktieb għaliex nemmen li huwa biss il-bidu minn għadd ta’ proġetti simili li jkomplu jsaħħu l-ħiliet fl-espressjoni tat-tfal tagħna, tarka daqstant qawwija biex flimkien negħlbu l-problema tal-ibbulljar.
Dan l-artiklu deher fil-ġurnal In-Nazzjon tat-Tnejn, 9 ta’ Novembru 2015.
Justin Schembri hu Kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali fuq it-8 distrett.
//= $special ?>