Lokali Saħħa

Nuqqas ta’ cardigans għall-infermiera u l-qwiebel

Għall-aħħar sitt xhur, numru kbir ta’ infermieri u qwiebel mhux isibu cardigans ta’ lewn navy blu, li huma parti essenzjali mill-uniformi tagħhom. Jidher li l-kuntrattur inkarigat mill-provvista tal-cardigans ġie notifikat għal diversi drabi dwar dan in-nuqqas, għalkemm s’issa din il-kwistjoni baqgħet ma’ ġietx indirizzata.

Jirriżulta li l-infermieri u l-qwiebel li għandhom bżonn dawn il-cardigans ġew infurmati mill-kuntrattur, li qed jistenna l-provvista tasal Malta. Fid-dawl ta’ dan, u minħabba l-ammont ta’ xhur li l-kwistjoni ilha tkarkar, l-MUMN kienet sfurzata twissi b’azzjonijiet lil Karl Farrugia, il-Kap Eżekuttiv tad-Dipartiment tal-Procurement u l-Provvisti fl-Isptar Mater Dei.

Fi stqarrija, l-MUMN qalet li ma tistax taċċetta aktar din is-sitwazzjoni u jekk sa ftit tal-jiem oħra dawn il-cardigans mhux se jkunu disponibbli għall-infermieri u l-qwiebel, il-union se jkollha tirreġistra tilwima industrijali biex tħares is-saħħa u s-sigurtà tal-membri tagħha.