Il-President tar-Russja Vladimir Putin għandu jkun fost aktar minn 100 mexxejja tad-dinja li se jattendu l-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Klima li ssir f’Pariġi bejn l-aħħar ta’ Novembru u l-11 ta’ Diċembru li ġej.
Dan qalu li l-Ministru Franċiż għall-Affarijiet Barranin Laurent Fabius waqt laqgħa ministerjali ta’ tlett ijiem li sservi ta’ tħejjija għan-negozjati finali tal-konferenza.
Skont Fabius, Putin aċċetta l-istedina biex jattendi l-konferenza u se jkun fost il-kelliema fl-ewwel jum tal-avveniment, flimkien mal-President tal-Istati Uniti Barack Obama u l-Mexxejja tal-Indja u ċ-Ċina.
Il-Kremlin, sadanittant, ma kkonfermax il-parteċipazzjoni ta’ Putin fit-taħditiet hekk imsejħa COP 21 li se jippruvaw iwasslu għall-aktar ftehim ambizzjuż (s’issa) għat-tnaqqis tal-emissjonijiet li jikkaġunaw il-fenomenu tal-global warming.
L-organizzaturi qed jistennew li tal-anqas 40,000 persuna – minbarra l-eluf tal-attivisti li ġejjin mill-gruppi rispettivi għall-ambjent, id-drittijiet umani u entitajiet oħra – se jkunu preżenti għall-konferenza dwar il-klima li tibda fit-30 ta’ Novembru.
Meta, f’Pariġi, indirizza lill-Ministri għall-Ambjent u l-Affarijiet Barranin, Laurent Fabius irrefera ‘għall-iskop li jsibu t-triq ta’ kompromess rigward l-ammont kollu possibbli tal-issues’.
Kwistjoni ewlenija tad-diskussjoni tittratta kif il-pajjiżi sinjuri jistgħu jipprovdu tipi ta’ appoġġ, inkluż dak finanzjarju, biex jgħinu għat-tnaqqis tal- emissjonijiet mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw.