L-interventi fuq il-faċċata tal-Berġa ta’ Kastilja biex tiġi nstallata sistema ta’ dawl hu sintomu tal-fatt li l-implimtenazzjoni tagħha saret b’mod amatorjali u b’disprezz lejn il-wirt kulturali Malti.
Dan qalu l-Partit Nazzjonalista fi stqarrija, f’isem il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Infrastruttura Ryan Callus, li fiha fakkar li ż-żewġ kundizzjonijiet mis-Sovrintendenza kienu jgħidu ċar u tond li r-rotot għall-installazzjoni ta’ wires tad-dawl mal-faċċata ta’ Kastilja kellhom isiru b’tali mod li jevitaw interventi fuq il-“historic fabric”, kif ukoll jerġgħu jintużaw rotot eżistenti li kienu ġew riċentament magħluqa matul ir-restawr tal-faċċata. Barra minhekk, is-Sovrintendenza talbet ukoll li interventi li jsiru fuq il-faċċata għandhom ikunu ta’ natura riversibbli.
Il-Partit Nazzjonalista qal li hu inkwetanti kif is-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali naqset milli tippubblika, wara talba minn ġurnal indipendenti, il-kundizzjonijiet magħmula minnha stess, aktar u aktar meta hu evidenti li dawn il-kundizzjonijiet ma ġewx rispettati.
Hu inaċċettabli wkoll li binja bi protezzjoni massima ta’ skedar isirulha interventi rriversibbli, mingħajr ma tintrefa’ r-responsabbiltà tal-ħsara li twettqet. Is-silenzju mill-mexxejja politiċi u l-awtoritajiet responsabbli donnu juri li t-tnejn saru ħaġa waħda flimkien a skapitu tal-protezzjoni tal-patrimonju Malti, temmet tgħid l-istqarrija.
//= $special ?>