Il-partiti politiċi tal-Kroazja qed jiffaċċjaw negozjati diffiċli biex iwaqqfu Gvern wara li l-Oppożizzjoni konservattiva kisbet rebħa minima fl-elezzjoni ġenerali. Is-sitwazzjoni tenfasizza l-inċertezza f’pajjiż li qed jikkonfronta riċessjoni u kriżi tal-immigrazzjoni.
Din kienet l-ewwel elezzjoni mindu l-Kroazja ssieħbet fl-Unjoni Ewropea u l-fatt li d-distakk tar-rebħa kien daqstant minimu jfisser li n-negozjati għal amministrazzjoni ġdida kapaċi jdumu l-ġimgħat.
Wara li għaddew 99 fil-mija tal-voti, l-indikazzjonijiet kienu li l-Koalizzjoni Patrijottika fl-Oppożizzjoni, li hi mmexxija mill-Partit HDZ, se jkollha 59 siġġu fil-Parlament ta’ 151 deputat. B’hekk il-koalizzjoni tidher li se jkollha biss tlett siġġijiet aktar mill-entità taċ-ċentru-xellug immexxija mis-Soċjal Demokratiċi (SDP) li amministraw il-pajjiż għal dawn l-aħħar erba’ snin.
Peress li ma ntlaħqitx maġġoranza ċara, partit politiku bl-isem ‘Most’ feġġ bħala qawwa politika ġdida fil-Kroazja, wara li spiċċa t-tielet u rebaħ 19-il siġġu parlamentari. Madankollu, il-kap ta’ dan il-partit irrepeta l-wegħda ta’ qabel l-elezzjoni li l-partit tiegħu m’għandux jissieħeb f’koalizzjoni.
Skont il-Kostituzzjoni tal-Kroazja, il-President tal-pajjiż jeħtieġ jikkonsulta mal-partiti fil-Parlament waqt li jinnomina Prim Ministru magħżul li jkollu l-appoġġ tal-maġġoranza tad-deputati f’Zagreb.
Filwaqt li l-Kap tal-HDZ Tomislav Karamarko ddikjara r-rebħa quddiem is-sostenituri tiegħu u rrefera ‘għar-responsabbiltà li jmexxu l-pajjiż’, is-sitwazzjoni hi aktar ikkumplikata milli tidher. Dan meta teżisti possibbiltà li l-SDP, minkejja li rebaħ anqas siġġijiet, kapaċi jissieħeb ma’ partiti iżgħar biex jipprova jifforma Gvern.
Il-Gvern ġdid tal-Kroazja se jkun taħt pressjoni biex jgħaddi r-riformi f’pajjiż li ħiereġ, bil-mod il-mod, minn riċessjoni li ilha għal sitt snin. Fl-istess ħin, il-Kroazja qed tipprova tlaħħaq mal-għexieren tal-eluf tal-immigranti li għaddejjin mit-territorji tagħha.
Taħditiet diffiċli biex jitwaqqaf Gvern ġdid Kroat
