Internazzjonali

Aktar vjolenza f’Ġerusalemm tal-Lvant

Żewġ Palestinjani ta’ 12 u 13-il sena attakkaw gwardjan tas-sigurtà Iżraeljan u darbuh b’daqqiet ta’ sikkina f’Ġerusalemm tal-Lvant.

L-attakk seħħ fiz-zona residenzjali għal-Lhud ta’ Pisgat Zeev. L-aggressur ta’ 12-il sena mbagħad spiċċa ferut minn tiri ta’ arma li sparalu l-istess gwardjan qabel inqabad mill-qawwiet tas-sigurtà Iżraeljani. Il-Palestinjan l-ieħor ukoll spiċċa arrestat wara li żammewh in-nies sakemm waslu l-pulizija fuq il-post.

Iż-żewġ Palestinjani huma fost l-aktar aggressuri żgħażagħ li spikkaw f’aktar minn xahar ta’ attakki mill-Palestinjani armati fuq Iżraeljani f’Ġerusalemm u diversi territorji oħra.

Aktar tard illum, raġel Palestinjan tilef ħajtu waqt li pprova jwettaq attakk ieħor fi bnadi oħra ta’ Ġerusalemm. Ir-rapporti qalu li dan il-Palestinjan qala’ diversi tiri wara li ħebb għal żewġ gwardjani li kienu għassa mal-Kwartier Antik ta’ Ġerusalemm. L-aggressur miet sigħat wara wara li kien iddaħħal l-isptar b’urġenza.

Tal-anqas għaxar Iżraeljani u għexieren ta’ Palestinjani tilfu ħajjthom fl-inkwiet li beda f’Settembru meta t-tensjoni f’sit ta’ Ġerusalemm li hu meqjum mil-Lhud u l-Musulmani żbruffat fl-ewwel minn sensiela twila ta’ inċidenti vjolenti.

Dan fost għajdut li Iżrael kien qed jaħseb biex ikattar id-drittijiet tal-Lhud fiz-zona delikata, filwaqt li l-Iżraeljani ċaħdu li dan hu minnu.