Id-djalogu mal-pajjiżi Afrikani m’għandiex tkun għodda biex titnaqqas l-opportunità għan-nies li qed ifittxu protezzjoni fl-Ewropa milli jagħmlu dan.
Il-Fondazzjoni ‘The People For Change’ qalet dan f’ittra li bagħtet lill-Prim Ministru Joseph Muscat hekk kif mil-lum jibda l-Valletta Summit, li se jlaqqa’ lill-Unjoni Ewropea mal-pajjiżi Afrikani. Waqt is-summit se jkun hemm l-immigrazzjoni fiċ-ċentru tad-diskussjoni.
Il-Fondazzjoni qalet li qed issejjaħ għal metodu umanitarju biex ikun applikat fil-kwistjoni tal-migrazzjoni, fejn dawk li qed ifittxu l-ażil u l-protezzjoni minħabba l-kunflitti u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem għandhom isibu l-bibien miftuħa. Anke jekk il-problema għandha tiġi indirizzata mill-qalba tagħha, is-soluzzjonijiet żgur li se jieħdu ż-żmien biex iħallu l-frott u sadanittant, il-protezzjoni għandha tibqa’ tingħata lil kull min ifittixha, tgħid il-Fondazzjoni.
Fl-ittra tagħha, il-Fondazzjoni qalet li l-Valletta Summit joffri opportunità lill-Malta biex tirrifletti dwar ir-rwol l-importanti tagħha fil-Mediterran.
Il-Fondazzjoni qalet li metodi siguri u legali ta’ protezzjoni għandha wkoll tgħin fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-migranti.
Waqt id-djalogu bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi Afrikani għandu jkun hemm djalogu miftuħ bejn in-naħat kollha u li d-deċiżjonijiet ikunu jirrispettaw il-valuri fundamentali tal-Unjoni Ewropea, fosthom ir-rispett lejn id-dinjità u d-drittijiet tal-bniedem, is-saltna tad-dritt u s-soliderjetà, tisħaq il-Fondazzjoni.
Il-Fondazzjoni ‘The People for Change’ tinkludi l-organizazzjoni SOS Malta, Kopin Malta, l-Assoċjazzjoni Maltija tan-Nisa Migranti, l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tar-Refuġjati f’Malta u l-Laboratorju tal-Paċi Papa Ġwanni XXIII.
//= $special ?>