Waqt laqgħa mal-President tal-Parlament Ewropew Martin Schulz, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil tkellem dwar il-bżonn li l-Unjoni Ewropea ssir dejjem aktar relevanti fil-pajjiżi membri. Illum il-ġurnata il-poplu Malti u Għawdxi qiegħed realment iħoss il-benefiċċji tal-isħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Iżda biex l-interessi tal-poplu Malti verament jinstemgħu fuq livell Ewropew, jeħtieġ li l-Parlament Malti jieħu rwol iktar attiv fi ħdan l-Unjoni Ewropea.
L-ebda problema ma tista’ tiġi riżolta mill-istati membri waħedhom, u għalhekk huwa kruċjali li l-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi Ewropej tikber u tissaħħaħ. Quddiem ir-realtajiet tal-lum, l-Ewropa ma tistax tibqa’ indifferenti, u trid tagħmel sforzi kbar sabiex tibqa’ tagħmel differenza f’ħajjet iċ-ċittadini Ewropej.
Minn naħa tiegħu Martin Schulz tkellem dwar l-importanza tal-Parlament Ewropew fit-tisħiħ tal-kooperazzjoni u d-djalogu sabiex l-Ewropa tkun tista’ tegħleb l-isfidi li qegħdha tiffaċċja llum.
//= $special ?>