Lokali

Il-MEPA għandha terfa’ r-responsabbiltà għall-ħsarat fil-faċċata ta’ Kastilja – il-PN

Il-kummenti li għamel ilbieraħ il-Kap Eżekuttiv tal-MEPA Johann Buttigieg, li s-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali għandha tinżamm responsabbli għall-ħsarat li saru fil-faċċata tal-Berġa ta’ Kastilja, mhuma xejn ħlief tentattiv biex l-eżekuttiv tal-MEPA jeżonera lilu nnifsu minn kull responsabbiltà.

Dan qalu l-Partit Nazzjonalista, fi stqarrija f’isem il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Artijiet Ryan Callus, li fakkar li kienet il-MEPA stess li għażlet il-proċedura li għandha tintuża’ għall-applikazzjoni tax-xogħolijiet fuq il-faċċata tal-Berġa ta’ Kastilja.

Il-proċedura, magħrufa bħala DNO, ma toffrix skrutinju profond u dettaljat tal-impatt tax-xogħolijiet, u għalhekk, ma setgħet qatt toffri l-prekawzjonijiet neċessarji li wieħed kien jistenna għal xogħolijiet fuq binja skedata Grad 1, jiġifieri l-ogħla livell ta’ protezzjoni.

Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista appella biex il-MEPA terfa’ r-responsabbiltà għal din id-deċiżjoni, minflok tabdika u twaħħal fis-Sovrintendenza għall-Wirt Kulturali. Il-Partit Nazzjonalista staqsa għalfejn il-MEPA għażlet li tapplika l-proċedura tad-DNO, minflok dik ta’ permess sħiħ għal żvilupp. Staqsa wkoll min ħa din id-deċiżjoni u jekk kienx hemm pressjoni politika biex il-proċess tal-applikazzjoni jitħaffef.

Il-Partit Nazzjonalista qal li aktar min hekk, għandha tintalab ukoll spjegazzjoni mingħand il-kuntrattur responsabbli għax-xogholijiet, li kien marbut mal-kundizzjonijiet magħmula mis-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali, primarjament li jintużaw passaġġi eżistenti li kienu ngħalqu fir-restawr riċenti, kif ukoll li kull intervent ikun ta’ natura riversibbli.