Lokali Unjoni Ewropea

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri tikkonferma li l-poplu se jkollu joħroġ €11m biex jiffinanzja Triq il-Kosta

Rapport dettaljat tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri kkonferma li l-poplu se jkollu joħroġ €11-il miljun mit-taxxi biex niffinanzjaw il-proġett ta’ Triq il-Kosta wara li dawn il-fondi Ewropej intilfu.

L-Unjoni Ewropea kienet allokat €42.3 miljun għal Triq il-Kosta, jiġifieri 85% tal-ispiża totali. Oriġinarjament, il-Gvern kellu joħroġ €10 miljun, iżda issa se jkollu joħroġ €11-il miljun ieħor minħabba taħwid fl-aġġudikazzjoni tat-tenders.

Fil-fatt, ir-rapport annwali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri indika wkoll li l-Gvern innegozja direttament ma’ waħda mill-kumpaniji li ħadmet fuq dan il-proġett qabel ma nħarġet sejħa pubblika. Dan hu deskritt fir-rapport bħala “nuqqas serju” min-naħa tal-Gvern ta’ Muscat, li ma mexiex mar-regoli tal-public procurement.

Fi stqarrija, il-Membru Parlamentari Ewropew f’isem il-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola qalet li l-Gvern Laburista wera paniku biex jipprova jgħatti l-irregolaritajiet tiegħu fl-amministrazzjoni ta’ fondi Ewropej. Spjegat li din mhijiex serjetà għax dak li jgħid il-Gvern jiġi analizzat mill-Unjoni Ewropea u allura jpoġġi lil Malta f’dawl ħażin.

Roberta Metsola temmet tgħid li dan il-każ reġa wera li l-Gvern Laburista la jemmen fir-responsabbilità politika, la jemmen fl-accountability u lanqas jemmen fit-trasparenza.