Internazzjonali

Ir-Renju Unit mhux qed jitlob ‘l-impossibbli’ lill-UE – David Cameron

Il-Prim Ministru Britanniku David Cameron qal li d-domandi għal riforma fl-Unjoni Ewropea m’għandhomx jitqiesu qishom ‘missjoni impossibbli’ iżda prezz li jridu jħallsu l-mexxejja Ewropej jekk hu għandu jżomm lir-Renju Unit f’din l-unjoni ta’ pajjiżi.

Cameron għamel diskors importanti f’Londra fejn iddettalja l-pjani biex jibdel ir-rabtiet tar-Renju Unit mal-UE qabel ir-referendum li jiddeċiedi l-futur ta’ pajjiżu fi ħdan l-Unjoni u li għandu jsir qabel l-aħħar tal-2017.

‘Meta nħarsu lejn il-bidliet li qed jiffaċċjaw il-mexxejja Ewropej, naraw li l-bidliet li qed ifittex ir-Renju Unit ma jaqgħux f’kaxxa mmarkata ‘Impossibbli’’, spjega Cameron, li ddettalja l-iskopijiet għar-riforma tal-isħubija tar-Renju Unit fl-UE.

David Cameron fassal id-domandi formalment f’ittra lill-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk fejn qal li jeżistu erba’ prinċipji fil-qalba tar-rinegozjar tar-Renju Unit mal-Unjoni Ewropea.

F’dan il-każ, tispikka t-talba għall-protezzjoni tas-suq wieħed għar-Renju Unit u pajjiżi oħra mhumiex imsieħba fl-ewro. Cameron talab ukoll – bħala stimolu għall-kompetittività – li titfassal mira għat-tnaqqis tal-burokrazija. Domanda oħra hi biex ir-Renju Unit ikun eżenti minn unjoni eqreb ta’ Stati u biex jissaħħu l-Parlamenti tal-pajjiżi.

Sadanittant, in-negozjati tar-Renju Unit għandhom jimmiraw lejn it-tnaqqis tal-benefiċċji tax-xogħol għall-immigranti mill-Unjoni Ewropea fl-artijiet tiegħu.

David Cameron qal li jrid li r-Renju Unit jibqa’ f’Unjoni Ewropea rriformata iżda ma eskludiex li pajjiżu joħroġ mill-Unjoni jekk ma jirnexxilux jasal għall-bidliet li jixtieq, bi ftehim mal-mexxejja tas-27 Stat tal-Unjoni.

Il-Prim Ministru Britanniku warrab għal ‘tieni referendum’ f’każ li l-Britanniċi jivvutaw biex joħorġu mill-Ewropa u tenna li ‘l-Britanniċi għandhom l-għażla f’idejhom’.

Filwaqt li r-referendum dwar il-futur tar-Renju Unit fl-UE jrid isir sa tmiem l-2017, l-Uffiċċju ta’ Cameron ċaħad li l-vot jista’ jsir f’Ġunju tas-sena d-dieħla.

Jingħad li David Cameron irid vot bikri iżda hu diġà kellu jwarrab referendum dwar l-UE fil-5 ta’ Mejju li ġej, li hi l-istess data tal-elezzjonijiet nazzjonali fl-Iskozja, Wales u l-Irlanda ta’ Fuq.