Internazzjonali

It-Turkija kkritikata dwar nuqqasijiet demokratiċi

Il-Kummissjoni Ewropea appellat biex it-Turkija tindirizza b’urġenza n-nuqqasijiet sinifikanti fl-oqsma tad-demokrazija u d-drittijiet umani.

Rapport annwali dwar il-prospetti tat-Turkija għal sħubija fl-Unjoni Ewropea qal li kienu nnutati intoppi serji rigward l-espressjoni ħielsa f’dan il-pajjiż.

Ir-rapport partikolari – li nżamm lura għal xi żmien u ħareġ proprju issa – jiddettalja s-sitwazzjoni fit-Turkija għal dawn l-aħħar sentejn.

Skont ir-rapport, kien hemm ukoll intoppi għall-indipendenza tal-ġudikatura fit-Turkija, b’dan il-pajjiż jadotta liġijiet ġodda li jmorru kontra l-kriterji tal-Unjoni Ewropea.

Ir-rapport kien ippubblikat fi żmien meta l-UE teħtieġ l-għajnuna tat-Turkija biex tikkontrolla l-kriżi tar-refuġjati.

Sadanittant, ir-rapport qed joħroġ ftit wara l-elezzjonijiet parlamentari fit-Turkija fejn il-Partit AKP tal-President Tork Recep Tayyip Erdogan rebaħ lura l-maġġoranza li kien tilef f’Ġunju.

Dan ir-rapport kien baqa’ ffriżat għal diversi ġimgħat minħabba li l-Uffiċjali tat-Turkija – fosthom il-President tat-Turkija Erdogan – kienu involuti sew fl-aħħar negozjati sensittivi dwar il-kriżi tar-refuġjati fl-Ewropa.

Intant, l-osservaturi jaqblu li r-rapport tal-Kummissjoni ‘jmur dritt għall-punt’ u għalkemm il-kontenut ma jirreferix speċifikament għal Erdogan, il-materjal li joħroġ mir-rapport jibbaża fuq ‘kritika diretta għall-President Tork’.

Għalkemm it-Turkija, xi snin ilu, uriet progress fil-kwistjoni tal-espressjoni ħielsa, l-aħħar sentejn kienu karatterizzati minn nuqqasijiet serji, fejn spikkaw każi kriminali mressqa kontra ġurnalisti, awturi u bloggers; l-intimidazzjoni ta’ membri tal-istampa u azzjonijiet mill-awtoritajiet Torok biex jikkontrollaw il-midja.

Dan kollu qed jinkwieta lill-Kummissjoni Ewropea, bir-rapport jirreferi wkoll għall-bidliet fil-liġi tal-internet fit-Turkija, fejn l-awtoritajiet jistgħu ‘jimblukkaw’ il-websajts mingħajr direttiva tal-qorti, bħala pass kbir lura mill-kriterji tal-Ewropa.

Ir-rapport ikompli li s-sitwazzjoni tas-sigurtà fit-Turkija qalbet għall-agħar u li hu importanti li Ankara terġa’ tiddiskuti l-paċi mar-ribelli Kurdi tal-grupp PKK.

Dan wara li mietu mijiet fi ġlied bejn il-qawwiet tas-sigurtà Torok u l-ġellieda tal-PKK fl-inħawi tal-Lvant u lejn ix-Xlokk tat-Turkija, mindu f’Lulju kien ikkrolla l-ftehim għall-waqfien mill-ġlied.