Lokali

Jibda l-proċess biex jimtela s-siġġu ta’ Joe Cassar

Il-Kummissjoni Elettorali tħabbar li bdiet tilqa’ n-nomini għall-elezzjoni każwali fuq is-seba’ distrett elettorali li se ssir nhar it-Tnejn

Il-Kummissjoni Elettorali ħabbret li se tkun qed tilqa’ nominazzjonijiet ta’ kandidati għall-elezzjoni każwali li se ssir biex jimtela l-post ta’ Membru Parlamentari fis-seba’ distrett elettorali li tbattal minn Joe Cassar. Din l-elezzjoni se ssir nhar it-Tnejn li ġej 16 ta’ Novembru.

L-eksdeputat Nazzjonalista Joe Cassar irriżenja mill-Parlament nhar it-Tlieta 3 ta’ Novembru biex jiddefendi ismu minn kull akkuża li saritlu fuq il-każ ta’ Gaffarena.

Bir-riżenja tiegħu, inħoloq siġġu vakanti fil-Kamra tad-Deputati fuq il-bankijiet tal-Oppożizzjoni fuq is-seba’ distrett li kien wieħed miż-żewġ distretti elettorali li minnhom ġie elett l-eks-Ministru tas-Saħħa fl-aħħar elezzjoni ġenerali. Flimkien mas-7 distrett, kien tela’ wkoll mill-11-il distrett, li kien ċedieh.

Il-Kummissjoni Elettorali avżat li dawk il-kandidati li kkontestaw is-seba’ distrett elettorali fl-Elezzjoni Ġenerali ta’ Marzu 2013, u li ma ġewx eletti iżda għandhom il-kwalifiki meħtieġa biex jiġu eletti, jistgħu jippreżentaw in-nomina tagħhom kuljum sa nhar is-Sibt li ġej l-14 ta’ Novembru 2015, fl-uffiċċju li għandha l-Kummissjoni Elettorali fil-Kumpless tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar, bejn id-9am u nofsinhar.

Formoli tan-nomina jistgħu jinkisbu mill-Uffiċċji tal-Kummissjoni fin-Naxxar u fil-Belt Valletta. L-għadd tal-voti ta’ din l-elezzjoni każwali nhar it-Tnejn 16 ta’ Novembru se jibda fid-9am.