Waqt xhieda li ta fil-Qorti, l-eks-President tal-MFA Joe Mifsud qal li l-kuntratt ta’ 250 elf dollaru li l-kumpanija televiżiva Ġermaniża tat lill-MFA kien ‘rigal’ għax dak iż-żmien l-assoċjazzjoni Maltija kellha bżonn il-flus biex tibni l-Millenium Stand. Mifsud qal li dan il-pagament ma kellu x’jaqsam xejn ma’ dak li qed ikun allegat, jiġifieri li kellu x’jaqsam mal-vot fl-għażla tal-pajjiż li kien se jorganizza t-Tazza tad-Dinja tal-2006.
Joe Mifsud kien qed jagħti x-xhieda tiegħu fil-Qorti fil-libell li kien ressaq hu stess fil-konfront tal-President attwali tal-MFA Norman Darmanin Demajo li f’Diċembru tal-2008, kien akkużah b’amministrazzjoni ħażina tal-fondi tal-MFA.
Ġimagħtejn ilu, dan il-każ reġa’ ssemma meta l-ġurnal Ingliż ‘Daily Mail’, fi storja ppubblikata, allega li Franz Beckenbauer, il-kap tal-Kumitat Organizzattiv tat-Tazza tad-Dinja tal-2006 li saret fil-Ġermanja, fis-sena 2000, kien għadda pagament ta’ 250 elf dollaru lill-MFA li dakinhar, il-President tagħha kien Joe Mifsud, biex din tivvota lill-Ġermanja fl-għażla ta’ min kien se jorganizza l-edizzjoni tal-2006.
Dejjem skont l-allegazzjonijiet tal-ġurnal, il-ftehim bejn Beckenbauer, li dak iż-żmien kien ukoll President ta’ Bayern Munich, u Joe Mifsud, intlaħaq f’Ġunju tas-sena 2000, ħames ġimgħat qabel ma saret il-votazzjoni finali. Bħala parti minn dan il-ftehim intlagħbet ukoll partita ta’ ħbiberija bejn Malta u Bayern Munich, logħba li ntlagħbet il-Ġimgħa 12 ta’ Jannar li kienet intemmet 3-1 favur Bayern.
Skont il-ġurnal Ingliż, Beckenbauer u Mifsud iltaqgħu flimkien fir-residenza privata ta’ Mifsud u dan tal-aħħar iffirma l-kuntratt. Kien hemm ukoll klawsola li l-kuntratt jibqa’ wieħed sigriet. Madankollu, tad-‘Daily Mail’ kienu qalu li akkwistaw kopja ta’ dan il-kuntratt imsemmi.
Il-kumpanija televiżiva Ġermaniża bl-isem ta’ CWL, li hi proprjetà ta’ kumpanija Ġermaniża oħra, Kirch, għaddiet il-pagament tal-250 elf dollaru lill-MFA bħala ‘drittijiet televiżivi’ biex il-logħba tkun imxandra fil-Ġermanja.
Norman Darmanin Demajo, li fis-sena 2000 kien teżorier tal-MFA, kien ikkonferma dan kollu mal-ġurnal Ingliż u kien qal li kien biss erba’ xhur wara li ġie ffirmat dan il-kuntratt li sar jaf l-MFA rċeviet dawn il-flus.
Jiddeskrivih bħala serp
Fix-xhieda tiegħu fil-Qorti, Mifsud iddeskriva lil Darmanin Demajo bħala serp li għadda dokumenti kunfidenzjali lil ġurnali barranin. “Fl-MFA kellna serp bl-isem ta’ Norman Darmanin Demajo li għadda l-kuntratti, inkluż dak tal-logħba bejn Bayern Munich u Malta, lil ġurnali barranin.”
Mifsud ikkonferma li l-kuntratt tas-CWL ġie ffirmat id-dar tiegħu fil-Qrendi imma qal li ma jiftakarx jekk Beckenbauer kienx preżenti. Mifsud spjega li s-soltu kuntratti bħal dawn jiffirmahom fl-uffiċċju tiegħu fil-kwartieri tal-MFA, imma minħabba li kien tmiem il-ġimgħa, stieden lir-rappreżentanti tas-CWL id-dar tiegħu. Madankollu, fil-Qorti kien innutat li fil-fatt il-kuntratt kien iffirmat il-Ħamis l-1 ta’ Ġunju tas-sena 2000.
“Li nista’ nikkonferma hu li Beckenbauer, flimkien ma’ uffiċjali oħra tal-FIFA, kien hawn Malta biex jara l-partita bejn pajjiżna u l-Ingilterra imma ma niftakarx jekk kienx preżenti meta ffirmajna l-kuntratt. Il-kuntratt kellu x’jaqsam biss mal-partita u mhux mal-voti tat-Tazza tad-Dinja,” qal Mifsud.
Aktar fin-Nazzjon t’għada.
//= $special ?>
