Iż-żweġ pilastri li fuqhom għandhom ibbażata l-industrija tal-kostruzzjoni huma s-sostenibbiltà fil-kuntest ambjentali u t-tmexxija onestà fl-iggvernar. Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt laqgħa mal-Kunsill tal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin (MDA) fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista.
Akkumpanjat mid-Deputati Nazzjonalisti Robert Arrigo u Ryan Callus, f’laqgħa li kienet indirizzata wkoll mill-President tal-MDA Sandro Chetcuti, Simon Busuttil qal li l-Partit Nazzjonalista dejjem ta importanza kbira lis-settur tal-kostruzzjoni. Hu fakkar kif wara l-1987, il-Gvern Nazzjonalista biddel il-pajjiż minn wieħed tat-tielet dinja għal wieħed modern u b’infrastruttura moderna.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li l-industrija tal-kostruzzjoni għandha tkun ikkunsidrata f’kuntest fejn iż-żewġ pilastri għandhom ikunu s-sostenibbiltà u l-onestà fl-iggvernar. Dwar is-sostenibbiltà, Simon Busuttil qal li għandu jkun ikkunsidrat il-bilanċ mal-Ambjent u li ma jkunx hemm sitwazzjonijiet li fihom il-Prim Ministru jiddeċiedi waħdu f’laqgħat ma’ żviluppaturi dwar bini f’żoni ‘l barra mill-iżvilupp.
Meta semma’ l-importanza tal-onestà fl-iggvernar, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista enfażizza l-importanza tat-trasparenza fid-deċiżjonijiet. Hu kkritika d-deċiżjoni tal-Gvern li jkisser il-MEPA u qal li din id-deċiżjoni se twassal biex il-poter ma jibqax f’idejn awtorità indipendenti, iżda jgħaddi f’idejn il-politiku. Din hi riċetta għall-korruzzjoni, sostna Simon Busuttil.
Min-naħa tiegħu, il-President tal-MDA qal li l-Assoċjazzjoni hi pożittiva li diversi proposti li kienet ilha tagħmel kienu milqugħa u qed jiġu implimentati. Sostna li l-iżviluppaturi qatt ma riedu jibnu fil-kampanja, kif ukoll li huma kontra li ż-żoni ta’ żvilupp ikunu estiżi.
Sandro Chetcuti qal li l-MDA kienet minn tal-ewwel li kkritikat l-użu ta’ art ODZ f’Marsaskala għax issostni li qed tintuża’ wisq art fil-kampanja. L-MDA, sostna Chetcuti, se tkun attenta biex tassigura li l-proġett tal-Università f’Marsaskala ma jkunx wieħed ta’ spekulazzjoni. Hu kkritika l-burokrazija u sostna li minkejja l-wegħda elettorali, fir-realtà din żdieded.
//= $special ?>