Internazzjonali

L-NLD ‘rebaħ il-maġġoranza’ fi Myanmar

Il-Kap tal-Oppożizzjoni fil-Myanmar, Aung San Suu Kyi, tat l-ewwel intervista wara l-elezzjonijiet storiċi f’pajjiżha u esprimiet it-twemmin li l-partit tagħha rnexxielu jikseb maġġoranza parlamentari.

L-ewwel riżultati wara l-elezzjoni qed jindikaw rebħa kbira għal-Lega Nazzjonali għad-Demokrazija (NLD) ta’ Suu Kyi, iżda jridu jgħaddu diversi ġranet sakemm ir-riżultati uffiċjali jkunu magħrufa.

L-elezzjoni fil-Myanmar kienet l-aktar waħda demokratika f’dan il-pajjiż f’25 sena.

Intant, Suu Kyi, li kienet qed twieġeb lill-ġurnalisti tal-BBC, qalet li filwaqt li l-elezzjoni ma tmexxietx fuq binarji daqstant xierqa, l-eżerċizzju kien fil-parti l-kbira tiegħu ħieles, avolja kienu rappurtati każi ta’ intimidazzjoni.

Il-Lega Nazzjonali għad-Demokrazija jeħtieġ li jirbaħ żewġ terzi tas-siġġijiet fil-Parlament għal maġġoranza effettiva. Iżda Suu Kyi infurmat lill-BBC li l-partit tagħha rnexxielu jissupera t-tragward u din id-darba rebaħ madwar 75 fil-mija tal-appoġġ popolari.

Il-Partit USDP li hu appoġġjat mill-militar tal-Myanmar ilu fil-poter mill-2011 meta l-pajjiż beda t-tranżizzjoni mit-tmexxija tal-Ġunta (li damet għexieren ta’ snin) lejn sistema ta’ amministrazzjoni ċivili.