Lokali Parlament

Ma jistax ikun nibqgħu aktar fil-globalizzazzjoni tal-indifferenza

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil appella lill-mexxejja Ewropej li fis-summit ta’ Malta se jkunu qed jiltaqgħu mal-mexxejja tal-pajjiżi Afrikani, li quddiem l-influss ma jaqta’ xejn ta’ refuġjati Sirjani jaqsmu minn pajjiżi Ewropew għall-ieħor, jilqgħu l-isfida u juru li ma jistax ikun nibqgħu aktar fil-globalizzazzjoni tal-indifferenza.

F’sessjoni speċjali li fiha l-President tal-Parlament Ewropew Martin Shulz, u l-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk, indirizzaw lill-Parlament Malti lejlet il-Valletta Summit, Simon Busuttil appella lill-mexxejja Ewropej jilqgħu l-isfida flimkien u juru li qed jifhmu xi jħossu n-nies meta juru t-tħassib dwar l-immigrazzjoni; li juru li ma jistax ikun li fl-2015 jibqgħu jegħrqu n-nies fil-Mediterran, u li l-Unjoni Ewropea hija kapaċi tħares il-fruntieri esterni tagħha.

F’isem l-Oppożizzjoni, Simon Busuttil laqa’ fil-Parlament u fid-dar tad-demokrazija ta’ Malta, kemm lill-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk, li miegħu jiltaqa’ wkoll fil-laqgħat tal-mexxejja tal-familja tal-Partit Popolari Ewropew; kif ukoll lill-President tal-Parlament Ewropew Martin Shulz li kien jafu matul id-disa’ snin li għamel membru tal-Parlament Ewropew.

L-UE hi kważi assenti mill-ħidma ta’ kuljum tal-Parlament Malti
Simon Busuttil fisser li wara disa’ snin li ħadem fil-Parlament Ewropew, waħda mill-affarijiet li ħass fis-sentejn u nofs li ilu membru tal-Parlament Malti, hija kif l-Unjoni Ewropea hija kważi assenti mill-ħidma ta’ kuljum tal-Parlament nazzjonali – li fissirha bħala ħaġa stramba meta tqis li ħafna mil-liġijiet li ngħaddu huma ġejjin proprju mill-Ewropa.

Irrimarka lil biex niddiskutu l-UE trid tkun xi okkażjoni bħal din, jew xi summit tal-Kunsill Ewropew imma ma nistgħux ngħidu li l-Unjoni Ewropea hija suġġett ċentrali fil-ħidma tagħna ta’ kuljum.

Fisser ukoll li din ir-realtà, kapaċi hi riflessjoni wkoll ta’ dak li jaħsbu n-nies barra – li l-UE hija xi mkien ‘il bogħod, maqtugħa mill-ħajja ta’ kuljum tagħhom. U kif jgħidu, ‘il bogħod mill-għajn, ‘il bogħod mill-qalb.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li din hi ħasra kbira meta tqis li eluf ta’ żgħażagħ Maltin qed igawdu opportunitajiet, jistudjaw, jaħdmu jew jgħixu f’xi wieħed mit-28 pajjiż tal-Unjoni; eluf oħra ta’ ħaddiema Maltin illum għandhom xogħol f’pajjiżna li qabel ma dħalna ma kienx jeżisti; u meta aħna kollha, kuljum, nużaw l-infrastruttura, bħal toroq, imħallsa mill-fondi Ewropej.

L-influss ta’ immigranti ħoloq frustrazzjoni u anke rabja
Simon Busuttil fisser li jekk kien hemm kwistjoni li ddiżappuntat lin-nies kienet l-immigrazzjoni fejn il-Maltin ħassew, bir-raġun, li quddiem mewġa ta’ nies ma taqta’ xejn ġejjin hawn, sibna indifferenza u tħallejna waħedna. Din weġġgħet lil ħafna nies li vvutaw biex nissieħbu fl-Unjoni Ewropea minkejja l-vantaġġi li akkwistajna.

Spjega li għaliex l-immigrazzjoni hija kwistjoni delikata li tittratta influss ta’ nies b’numri ferm akbar minn dak li kien jiflaħ pajjiżna b’kultura, reliġjon u drawwiet different; mhux ta’ b’xejn li dan l-influss ħoloq tħassib serju fost in-nies u maż-żmien ħoloq ukoll frustrazzjoni u anki rabja.

“U niżbaljaw jekk ninjoraw it-tħassib tan-nies, jew jekk kull min juri tħassib ngħidulu żenfobiku jew razzist – għax jekk ma nitkellmux aħna, jekk ma niħdux azzjoni aħna, allura se jitkellem min hu tassew popolist u min hu razzist veru kif qed jiġri f’ħafna pajjiżi Ewropej”.

Simon Busuttil kompla li kien għalhekk li fil-Parlament Ewropew dejjem tkellem dwar x’kien qed jiġri Malta; kif ma stajnix inlaħħqu mal-influss u għaliex din ma kinitx problema tagħna biss imma sfida għall-Unjoni Ewropea kollha.

L-immigrazzjoni llum tolqot lili imma għada tista’ tolqot lilek
Fakkar li fil-bidu kien hemm min ma kienx jagħti każ, imma maż-żmien bdew jisimgħu u jagħtu każ u bdew jaqblu miegħu. “Kont ngħidilhom: illum l-immigrazzjoni tolqot lili imma għada tista’ tolqot lilek, kif ġara”, qal Simon Busuttil.

Irrimarka li kien il-Parlament Ewropew l-ewwel istituzzjoni, qabel il-Kummissjoni Ewropea, li beda jitkellem fuq is-solidarjetà u fuq il-ħtieġa li jkollna mekkaniżmu ta’ solidarjetà. Li kien għall-Parlament Ewropew, il-mekkaniżmu ta’ solidarjetà li ġie maqbul dan l-aħħar, kien ilu li daħal sa mill-2009 – sitt snin ilu.

Simon Busuttil spjega wkoll li l-akbar intopp kien li tfiehem ukoll lill-gvernijiet tal-pajjiżi membri, mill-kbar saż-żgħar; li l-gvernijiet ukoll jaċċettaw li l-immigrazzjoni mhix sfida ta’ pajjiż wieħed imma sfida ta’ kulħadd; li l-gvernjiet ukoll jaċċettaw li l-fruntieri marittimi ta’ Malta huma wkoll il-fruntieri esterni tal-Ġermanja; li l-gvernijiet ukoll jaċċettaw li jekk jegħreq xi ħadd fil-Mediterran, dik mhix problema tal-pajjiżi tal-Mediterran imma traġedja għal kulħadd.

Sfida li rridu negħlbu flimkien
Iddikjara li jemmen li dak li rajna fl-aħħar ġimgħat, bl-influss ma jaqta’ xejn ta’ refuġjati Sirjani jaqsmu minn pajjiżi Ewropew għall-ieħor, jagħtina opportunita sabiex nagħmlu dak li jmissu ilu li sar ferm qabel – li negħlbu din l-isfida flimkien u mhux nibqgħu nħallu lil kulħadd ifendi għal rasu.

“U din hija l-isfida li għandkom quddiemkom fis-Summit li se jsir f’Malta f’dawn il-jumejn mal-mexxejja tal-pajjiżi Afrikani – li turu li ma jistax ikun nibqgħu aktar fil-globalizzazzjoni tal-indifferenza; li turu li qed tifhmu xi jħossu n-nies meta juri t-tħassib dwar l-immigrazzjoni; li turu li ma jistax ikun fl-2015 jibqgħu jegħrqu n-nies fil-Mediterran qisu xejn mhu xejn; li turu li l-Unjoni Ewropea hija kapaċi tħares il-fruntieri esterni tagħha; u li turu li din hija sfida li għandna negħlbu flimkien.

Il-verità hi, kompla Simon Busuttil, li l-immigrazzjoni hija kwistjoni li l-ebda pajjiż kbir kemm hu kbir, żgħir kemm hu żgħir, ma jista’ jsolviha waħdu.

Filwaqt li kulħadd kien jaf li Malta hija żgħira wisq biex issolviha waħedha, Simon Busuttil qal li mhux kulħadd kien jaf li anki l-Ġermanja hija żgħira wisq biex issolviha waħedha. U huwa għalhekk li l-unika soluzzjoni hija li ningħaqdu id f’id u naħdmu flimkien.

Nuru li l-UE qed tifhem x’qed iħossu n-nies u lesta tindirizza t-tħassib tagħhom
“Huwa għalhekk li għandna Unjoni Ewropea mhux diżunjoni Ewropea, biex bl-għaqda negħlbu l-isfidi li l-ebda pajjiż ma jista’ jsolvi waħda. Jekk jirnexxielkom tagħmlu dan tkunu qed turu li l-Unjoni Ewropea qed tifhem x’qed iħossu n-nies u lesta tindirizza t-tħassib tagħhom. Ikun f’dak il-mument li n-nies jerġgħu jibdew iħossu li l-Unjoni Ewropea qiegħda tassew hemm għalihom, anki fl-immigrazzjoni, u jerġgħu jiksbu l-fiduċja fiha”, temm id-diskors tiegħu fil-Parlament il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil.