Lokali Unjoni Ewropea

Malta se tikkontribwixxi €250,000 għall-kriżi tar-refuġjati

Waqt il-Valletta Summit se jinħoloq “Trust Fund” biex jirrispondi għall-kriżi tar-refuġjati

Malta se tkun qed tikkontribwixxi €250,000 għall-EU Emergency Trust Fund, li se jkun qed jitwaqqaf uffiċjalment waqt il-Valletta Summit.

Il-fond hu wieħed mill-għodod li twaqqfu biex jirrispondu għall-kriżi tar-refuġjati billi tingħata għajnuna lil numru ta’ pajjiżi Afrikani biex jiżviluppaw programmi ekonomiċi bil-għan li joħolqu opportunitajiet ta’ xogħol.

Dan il-fond se jirċievi €1.8 biljun f’finanzjament mill-Kummissjoni Ewropea, kumplimentati minn fondi nazzjonali tal-istati membri. L-għan aħħari hu li tkun trattata l-problema tal-immigrazzjoni irregolari.

Il-Valletta Summit jiftaħ għada iżda l-impenji marbuta miegħu jibdew illum bl-indirizzi tal-President tal-Parlament Ewropew Martin Schulz u l-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk lill-Parlament Malti.