Tħabbret il-mewt tal-eks-Kanċillier tal-Ġermanja Helmut Schmidt fl-età ta’ 96 sena.
Schmidt, li kien politiku tal-Partit Soċjal-Demokratiku (SPD) serva bħala Kanċillier ta’ pajjiżu bejn l-1974 u l-1982, u qabel kien mexxa diversi Ministeri, inklużi dak għad-Difiża, l-Ekonomija u l-Finanzi.
Fil-fatt, Schmidt jibqa’ magħruf talli fi żmienu bħala Ministru għall-Finanzi, daħħal politika li kkonsolidat l-hekk imsejjaħ ‘miraklu ekonomiku’, fejn il-Ġermanja, ’il quddiem, setgħet tgawdi mill-aktar kambju u pożizzjoni ekonomika stabbli fid-dinja.
Schmidt hu meqjus ukoll bħala wieħed mill-aktar politiċi popolari Ġermaniżi ta’ wara t-Tieni Gwerra u kien jemmen ħafna fil-kunċett Ewropew.
Fil-fatt, hu kien protagonist wara s-Sistema Monetarja Ewropea li torbot il-kambji tal-Unjoni Ewropea u li serviet bħala pass importanti ’l quddiem għall-introduzzjoni tal-ewro.
L-istampa Ġermaniża, sadanittant, ikkwotat lit-tabib ta’ Schmidt li l-eks-Kanċillier miet waranofsinhar fil-belt ta’ Hamburg, iżda ma tħabbrux aktar dettalji.
//= $special ?>

