Lokali Parlament

Okkażjoni rari fil-parlamentari tal-UE

Il-President tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia, fisser is-seduta speċjali tal-lejla li fiha indirizzaw lill-Parlament Malti l-President tal-Parlament Ewropew Martin Schulz, u l-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk, bħala okkażjoni mhux biss ta’ unur għall-Parlament Malti, iżda wkoll okkażjoni rari fil-parlamentari tal-istati membri tal-UE.

Leljet l-avveniment storiku tal-Valletta Summit, il-President tal-Kamra tad-Deputati rrifera għall-fenomenu tal-immigrazzjoni bħala traġedja umana. Fisser is-summit f’Malta bħala deċiżjoni f’waqta f’pajjiż strateġiku fil-Mediterran kemm mil-lat ġeografiku iżda wkoll mil-lat politiku li serva diġà ta’ pont meta ltaqa’ summit storiku f’Malta wkoll bejn Bush u Gorbachev.

Semma li rridu naffrontaw b’serjetà r-realtà ta’ kunflitti madwar ir-reġjun tal-Mediterran li qed jikkawża l-influss qawwi ta’ immigranti lejn l-Ewropa. Sejjaħ dan il-mument f’Malta bħala kruċjali biex l-influss barra mill-Afrika lejn l-Ewropa jibda jiġi kontrollat biex il-kontinent Afrikan ukoll ikollu futur.

Appella wkoll għal rwol aktar b’saħħtu lill-parlamentari nazzjonali minn dak li jipprovdi t-Trattat ta’ Lisbona.

Riforma lejn Ewropa aktar miftuħa
Il-Prim Ministru Joseph Muscat elenka l-politika ekonomika ta’ pajjiżna u kif il-Gvern tiegħu iħares lejn ir-riforma li hi meħtieġa li ssir fl-Ewropa f’dak li sejjaħ bħala Unjoni Ewropea li trid tkun aktar miftuħa għall-kumplament tad-dinja biex tikseb aktar progress.

Filwaqt li spjega li se jkollu ħafna aktar okkażjonijiet li fihom se jkun qiegħed jitkellem dwar l-immigrazzjoni fil-jiem li ġejjin, il-Prim Ministru Joseph Muscat sejjaħ il-Valletta Summit bħala pass importanti biex insalvaw il-ħajjiet, nagħtu ażil lil min verament ħaqqu u ngħinu lill-pajjiżi minn fejn qed joriġinaw l-immigranti.

Saħaq li rridu naħdmu fuq regoli globali biex il-fenomenu globali tal-immigrazzjoni jiġi trattat għall-ġenerazzjonijiet futuri.
Fil-fehma ta-Prim Ministru Muscat, il-Valletta Summit mhux jaspira li jkun is-soluzzjoni ta’ kollox, iżda l-ewwel pass bejn żewġ kontinenti li jeħtieġ li jaħdmu ħafna qrib xulxin.

Quddiem iż-żewġ presidenti ta’ żewġ istituzzjonijiet importanti fl-UE fl-ogħla istituzzjoni ta’ pajjiżna, fil-Parlament tkellem dwar s-sens ta’ Ewropejiżmu Malti f’pajjiż li hu l-iżgħar fl-Ewropa.

Semma s-sentiment tal-ottimiżmu fl-ekonomija u fis-settur tan-negozju, u sejjaħ lill-ekonomija ta’ Malta bħala fost l-aktar li qed tikber fl-Ewropa. Qal li l-Gvern qed jibni middleclass ġdida filwaqt li qed jilqa’ wkoll għall-isfida tal-ambjent u l-użu tar-riżorsi li dwarhom il-Parlament ikollu l-akbar dibattiti. Semma li l-ideat tal-Gvern għandhom l-ideoloġiji tagħhom fil-ħsieb Ewropej.

Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-futur tal-Ewropa u kif il-Gvern Malti jemmen li trid tinvesti aktar f’relazzjonijiet, kemm diplomatiċi u ekonomiċi, mal-kumplament tad-dinja. Awgura għal Ewropa aktar miftuħa għaliex qal li dan hu l-aktar mezz effettiv biex isir progress. Jemmen ukoll li l-pajjiżi tal-UE għandhom joqorbu aktar lejn xulxin mingħajr ma jaspiraw li jsiru pajjiż wieħed u jibqa’ l-ispazju tad-diversità. Qal li hemm bżonn ta’ riforma dwar x’tip ta’ Ewropa rridu u li dwar dan, Muscat qal li l-Maltin u l-Għawdxin jaqblu dwar x’tip ta’ Ewropa jridu.

Il-qasma dwar is-sħubija fl-UE ħolqot negattività kbira
Fakkar fin-nuqqas kbir ta’ qbil, b’pożizzjonijiet opposti taż-żewġ partiti fil-Parlament, qabel is-sħubija fl-UE, b’Muscat ifisser li dan ħoloq negattività kbira. Spjega wkoll li wara li l-poplu ħa d-deċiżjoni, kulħadd beda jiġbed ħabel wieħed. Irrimarka wkoll li l-Parlament Malti kien l-uniku fl-Ewropa li qabel mal-pakkett ta’ għajnuna lill-Greċja.

Muscat tkellem ukoll dwar ir-riforma fl-Ewropa, u qal li r-riforma trid tirrispetta l-prinċipju li d-deċiżjonijiet jibqgħu jittieħdu qrib iċ-ċittadini, u li l-politika fiskali tibqa’ tal-pajjiżi b’mod individwali. Spjega wkoll li l-Gvern Malti lest li jħares lejn riforma li tagħmel Ewropa aktar prattika u flessibbli għal kulħadd. Iżda ma jaqbilx fuq aktar flessibbiltà barra z-zona ewro b’daqqiet akbar għaz-zona ewro – flessibbiltà biex jintlaħqu għanijiet komuni.