Il-belt kapitali Beijing spiċċat koperta minn dħaħen rekord ta’ arja mniġġsa wara li partiċelli żgħar u perikolużi għas-saħħa ffurmaw mantell ta’ smog fuq l-inħawi.
Dawn il-partiċelli, fil-fatt, għaddew b’50 darba l-massimu tal-livell stabbilit mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, fl-inħawi lejn il-Grigal taċ-Ċina.
Attivisti favur l-ambjent qegħdin jgħidu li l-livelli tat-tniġġis tal-ajru huma l-ogħla reġistrati fiċ-Ċina, bid-dħaħen ħoxnin jirrendu l-viżibbiltà prattikament impossibbli, b’mod partikulari fil-provinċja ta’ Jilin u diversi bnadi tal-kapitali.
It-tniġġis tal-ajru fiċ-Ċina laħaq livelli kroniċi, bis-sitwazzjoni taqleb għall-agħar fix-xitwa meta l-konsum tal-enerġija – fil-parti l-kbira xprunat bl-użu tal-faħam – jiżdied, fost id-domanda tan-nies għall-mezzi tas-sħana li jilqgħu għall-friża li se tiddomina matul ix-xhur li ġejjin.
//= $special ?>