Lokali Parlament

Proġett ieħor li l-Gvern ma lestiex …u sal-lum għadu ħofra

Il-Ministru Anton Refalo għadu jafx meta se tinfetaħ id-Dar għall-Anzjani f’Għajnsielem wara li ma lestiex il-proġett kif kien wiegħed f’sena u nofs

Il-Gvern ma żammmx mal-wiegħda li ta l-Ministru Anton Refalo li jlesti l-proġett tad-Dar għall-Anzjani f’Għajnsielem f’sena u nofs. Sal-lum minkejja li għaddew sena u disa’ xhur, il-proġett għadu ħofra. Bil-baġit ta’ €60,000 li għamel l-istess Ministru għal din id-dar għas-sena li ġejja, il-proġett ħadd għadu ma jaf meta jista’ jitlesta.

Il-Ministru Anton Refalo qal fil-Parlament meta kien mistoqsi mix-Shadow Minister għal Għawdex Chris Said dwar il-proġett tad-Dar għall-Anzjani f’Għajnsielem, li l-Ministeru ser jagħmel l-almu kollu tiegħu biex din id-Dar tinfetaħ fil-futur qarib.

Dan jikkuntrasta bil-kbir ma’ dak li kien iddikjara l-Ministru Anton Refalo fil-bidu tas-sena li għaddiet. Fit-8 ta’ Frar 2014, il-portal tal-General Workers’ Union ikkwota lill-Ministru Anton Refalo jgħid li d-Dar għall-Anzjani f’Għajnsielem tkun lesta fi żmien sena u nofs oħra. It-titlu tal-istess storja ppubblikata fuq is-sit elettroniku kien jgħid ‘Dar għall-anzjani f’Għawdex sa sena u nofs oħra’.

Id-dar għall-anzjani f’Għawdex kellha tkun lesta f’Awwissu li għadda
Dakinhar kien tħabbar li l-proġett għal dak li tfisser bħala l-ewwel dar tal-Gvern għall-anzjani f’Għawdex, għadda mill-proċess tal-applikazzjonijiet mal-MEPA. Dan kien intqal li se jwassal biex Dar San Ġużepp tinbidel f’dar għall-anzjani. Kien intqal ukoll li l-proġett ser isir b’kollaborazzjoni bejn il-Ministeru għal Għawdex u d-Djoċesi Għawdxija. Id-dar għall-anzjani kien intqal li se tkun qed tipprovdi 140 sodda għall-anzjani fil-gżira Għawdxija.

Il-Perit tal-proġett kien ukoll ikkonferma mas-sit elettroniku tal-GWU, li d-dar il-ġdida tal-anzjani f’Għajnsielem Għawdex mistennija titlesta fi żmien sena u nofs. Fi Frar tas-sena l-oħra, kien ippjanat li x-xogħlijiet jibdew lejn Ottubru jew Novembru tas-sena l-oħra – madwar sena ilu.

Skont kif kien intqal u ddikjara fi Frar tas-sena l-oħra l-Ministru Anton Refalo, dan kien ifisser li din kellha tkun lesta sat-8 ta’ Awwissu 2015 – tliet xhur ilu. Iżda sal-lum is-sit għadu ħofra.

Is-sena d-dieħla hemm biss ivvutat €60,000 għal din id-dar
Mitlub jikkummenta dwar it-tkaxkir tas-saqajn ta’ dan il-Gvern biex iwettaq proġett wieħed ta’ dar għall-anzjani, ix-Shadow Minister għal Għawdex Chris Said esprima t-tħassib tiegħu dwar dan id-dewmien u staqsa kif din id-dar ser tinfetaħ fil-futur qarib b’€60,000 biss ivvutati għas-sena d-dieħla?

Chris Said qal li s-sena l-oħra għal dan il-proġett li kellu jibda bħal dan iż-żmien sena, kien hemm ivvutati €400,000 li ma ntuża xejn minnhom. Issa, skont il-Baġit li għadu kemm ħabbar il-Gvern, għas-sena 2016 ġew ivvutati biss €60,000 – meta l-Ministru kien qal li din ser tiswa aktar minn €4 miljun.