F’Malta bdew jaslu l-mexxejja tal-pajjiżi Ewropej u dawk Afrikani għall-Valletta Summit, li se jibda l-Erbgha u jibqa’ għaddej sal-Ħamis. L-impenji f’dan is-summit bdew , biż-żjarat fil-Parlament Malti tal-President tal-Parlament Ewropew Martin Xulz u l-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk.
Il-Presidenti taż-żewġ istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea waslu fil-bini tal-Parlament ftit wara l-5.30pm.
Il-laqgħat waqt il-Valletta Summit se jkunu qed jitmexxew mill-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk. Matul it-taħdidiet f’Malta, l-Unjoni Ewropea se tkun qed tfittex li ssaħħaħ il-koperazzjoni fil-qasam tal-immigrazzjoni u l-iżvilupp ekonomiku mal-imsieħba Afrikani tagħha.
F’dawn il-laqgħat, li se jkunu miftuxa fuq jumejn bejn l-Erbgħa u l-Ħamis, l-Unjoni Ewropea se tkun rappreżentata mill-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker, mir-rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin Federica Mogherini u mill-Kummissarju Ewropew għall-Koperazzjoni Internazzjonali Neven Mimica. F’Malta hawn ukoll il-President tal-Parlament Ewropew Martin Schulz.
Qabel il-wasla tagħhom biex jindirizzaw il-Parlament Malti, il-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk u l-President tal-Parlament Ewropew Martin Xulz iltaqgħu mal-Prim Ministru Joseph Muscat fil-berġa ta’ Kastilja.
Meta kienu l-Parlament, għamlu wkoll żjara ta’ korteżija lill-Kap tal-Oppozizzjoni Simon Busuttil fl-uffiċċju tiegħu fil-Parlament.
Is-summit se jiftaħ b’ċeremonja fi Pjazza San Ġorġ u wara jibdew minnufih it-taħdidiet, li jkomplu l-Ħamis. Kollox jintemm b’konferenza tal-aħbarijiet fi tmiem is-summit.
Apparti s-summit innifsu, li matulu se jkunu qed jipparteċipaw il-mexxejja tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u dawk Afrikani, kif ukoll numru kbir ta’ organizazzjonijiet internazzjonali, se ssir ukoll laqgħa informali tal-Kunsill Ewropew li ssejjħet minn Donald Tusk għall-Ħamis waranofsinhar.
L-impenji waqt dan is-summit jinkludu wkoll l-iffirmar mill-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker, tal-EU Emergency Trust Fund for Africa, li se jkun wieħed mill-għodod li twaqqfu biex jirrispondu għall-krizi tar-refuġjati. Malta se tikkontribwixxi kwart ta’ miljun ewro għal dan il-fond.
//= $special ?>